Messaġġ mill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali ddedikat lill-Mara – It-Tlieta, 8 ta’ Marzu, 2016

Insellmilkom,

Fl-okkażjoni tat-8 ta’ Marzu, il-Jum Internazzjonali ddedikat lill-mara, nixtieq naqsam xi riflessjonijiet magħkom dwar il-mixja tagħna bħala soċjetà li naspira li tkun waħda effetivament ugwali.

Huwa minnu li hemm min hu xettiku dwar dan il-jum; iżda minkejja dan, inħoss li hija opportunità li m’għandniex nitilfuha, biex nitkellmu dwar l-ugwaljanza ta’ bejnietna bħala soċjetà sħiħa Maltija.

Xtaqt nibda billi nenfasizza li hemm bżonn li kullħadd f’pajjiżna, kemm nisa, irġiel u anke t-tfal, jifhmu, jgħarrfu u jgħixu il-prinċipji tal-ugwaljanza fis-soċjetà tagħna.

Irridu nistqarru li għamilna passi kbar ’il quddiem f’din il-mixja, iżda għad hemm esperjenzi mill-aktar reali f’pajjiżna fejn irridu naħdmu ferm aktar biex niksbu ugwaljanza effettiva.

Jien nemmen li fil-ħajja irridu nipprattikaw il-prinċipju tal-inklużjoni f’kollox, inklużjoni fil-ħsieb, inklużjoni fejn jittieħdu deċizjonijiet, u inklużjoni fit-tmexxija tal-pajjiż.  Iżda biex dan iseħħ, irid ikun hemm rappreżentanza minn kullħadd f’kull livell. Għalhekk huwa importanti li jkollna rappreżentanza xierqa minn naħa tan-nisa wkoll, f’kull qasam tal-ħajja; fit-tmexxija pubblika, fil-parlament, u kull fejn jittieħdu u jiġu mplimentati d-deċizjonijiet.

F’dan il-kuntest, irridu nammettu li għadna lura. 

Għalhekk, flimkien mal-Fondazzjoni tiegħi għall-Ġid tas-Soċjetà, għadna kemm waqqafna network għan-nisa żgħażagħ li jixtiequ jkunu ta’ servizz fil-politika u l-ħajja pubblika, u li jixtiequ jkunu attivi fil-politika fuq livell lokali, nazzjonali u/jew internazzjonali.  L-għan aħħari huwa li jkun hemm żieda fin-numru ta’ nisa fl-isfera pubblika, u fil-Parlament Malti.

Hawn irrid nenfasizza ukoll li, minbarra r-rieda tajba, u l-commitment li jkollha kull mara li taspira għal dan il-għan, irid ikun hemm ukoll, ambjent li jsostni d-deċiżjoni tagħha b’sodisfazzjon, flimkien ma’ bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol, u l-familja.

Għalhekk, jeħtieġ isir sforz akbar mill-awtoritajiet u minn kullħadd, biex nassiguraw l-aċċessibiltà effettiva għall-opportunitajiet tan-nisa fit-tmexxija.

Irrid inħajjar b’mod partikolari, lin-nisa żgħażagħ, biex ikunu ċittadini attivi f’dak kollu li jemmnu fih, u li ma jiddejjqux jitkellmu u jresqu l-fehmiet, u l-aspirazzjonijiet tagħhom ‘il quddiem, biex iwasslu għal bidla pożittiva għall-ġid ta’ kulħadd.

Li nkunu ċittadini attivi tfisser li naħdmu biex inġibu bidla fl-isferi soċjali, politiċi, ekonomiċi, u ambjentali, biex nġibu titjib fis-soċjetà u nipprommwovu l-ġustizzja soċjali u l-iżvilupp sostennibli.

Is-sena li għaddiet, ġejt mistiedna minn Nazzjonijiet Uniti bħala waħda mill-mexxejja tal-kampanja He 4 She – kampanja fejn l-irġiel qed jiġu mistiedna biex jingħaqdu f’dan il-moviment ta’ solidarjeta’ favur l-ugwaljanza tal-ġeneru u biex flimkien noħolqu dinja aktar inklussiva u ġusta għal kulħadd.

B’sodisfazzjon, irrid insellem lill-għaxar irġiel Maltin li ġejjin minn oqsma differenti tal-ħajja, u li aċċettaw li jkunu champions ta’ din il-kampanja.

Minn naħa l-oħra, ma rridx innaqqas mill-mertu tal-ħidma ta’ dawk in-nisa li jagħżlu li jibqgħu id-dar u li jikkontribwixxu bil-kbir, mħux biss fl-iżvilupp tal-familja tagħhom, iżda b’mod indirett għall-ekonomija ta’ pajjiżna, u s-soċjetà tagħna in ġenerali.  Lil dawn in-nisa, insellmilhom u nħeġġiġhom biex jaħdmu b’risq is-soċjetà Maltija.

F’dan il-jum ma nistawx ma niftakrux ukoll f’dawk in-nisa u t-tfajliet, madwar id-dinja kollha, li jkomplu jsofru minn diskriminazzjoni u minn vjolenza, anke saħansitra f’darhom.

Hawnhekk ukoll inħeġġeġ biex kulħadd jagħmel ħiltu u jsemma’ leħnu kontra l-vjolenza, biex din is-susa soċjali neqirduha darba għal dejjem.

L-ugwaljanza mhijiex biss dritt fundamentali tal-bniedem, iżda pedament meħtieġ għal soċjetà inklusiva u sostenibbli, u għall-kisba u t-tisħiħ tal-paċi.

Hemm bżonn ninkludu lil kulħadd jekk tassew irridu nħaddnu d-drittijiet tal-mara f’kuntest iktar wiesa’, fejn naħdmu lejn il-ġid kollettiv tas-soċjetà.

Irridu nkomplu naħdmu sabiex kull wieħed u waħda minnha, kull mara, kull raġel, kull tifel u kull tifla, ikollhom kull opportunità li jiżviluppaw il-potenżjal sħiħ tagħhom, kif ukoll biex jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom, kemm fil-karriera, kif ukoll fil-ħajja personali kif jixraq, fuq kollox, lil kull bniedem.

Insellmillkom minn qalbi, u nawguralkom għaqda, paċi u ġid.