“Nittama li dan l-istudju jagħti bidu għal proċess kontinwu fit-tul, sabiex il-policy-makers tagħna jsibu pedament sabiex ikomplu jibnu l-ġid, b’risq is-soċjetà tagħna”

Il-President ta’ Malta tippresjedi tnedija ta’ dokument ta’ riċerka mill-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà

 

Fil-Palazz Verdala, Marie-Louise Coleiro Preca, President ta’ Malta dalgħodu attendiet għat-tnedija ta’ dokument ta’ riċerka intitolat ‘Sustaining Relationships – Couples and Singles in a Changing Society’. Dan id-dokument tħejja miċ-Ċentru Nazzjonali għar-riċerka dwar il-familja, fi ħdan il-Fondazzjoni tal-President għall-ġid tas-Soċjetà.

 

Waqt diskors li għamlet fil-bidu tat-tnedija, il-President qalet li sa mit-twaqqif tagħha, il-Fondazzjoni għall-Ġid tas-Soċjetà, kienet hemm biex tkun katalista fil-promozzjoni tal-ġid għal kulħadd. Il-Fondazzjoni tagħmel dan billi tirrikonoxxi r-relazzjonijiet bħala l-istrutturi fundamentali li jsostnu l-eżistenza umana u għaldaqstant, l-istess Fondazzjoni temmen li biex jinkiseb il-ġid, ir-relazzjonijiet iridu jkunu mħarsa. Il-President tenniet li dan huwa rifless u jidher ċar “fix-xogħol taċ-Ċentru Nazzjonali għar-Riċerka dwar il-Familja, li l-mission statement tiegħu jgħid b’mod ċar li ċ-Ċentru jipprova jifhem in-natura u l-varjetà tar-relazzjonijiet f’Malta tal-lum, u li jippromovi modi effettivi li bihom jissaħħu l-elementi importanti għal relazzjonijiet b’saħħithom, bħal ħarsien, ir-rispett u l-ferħ reċiproku”.

 

Il-President qalet li l-istudju li ġie mniedi llum jgħinna nifhmu x’inhu dak li jsostni r-relazzjonijiet u dak li jħallihom jiżviluppaw, filwaqt li jsir possibbli għalina li naqsmu ma’ xulxin l-għarfien dwar x’jaħdem biex tiġi żviluppata relazzjoni b’saħħitha. “Dan qed nipprovaw nagħmlu billi nikkultivaw it-tama u nsaħħu l-komunikazzjoni bejn il-bniedem”.

 

Il-President enfasizzat li dan l-istudju huwa wieħed nazzjonali, li jipprovdi għarfien aktar fil-fond u effettiv, fil-mod li bih iseħħu r-relazzjonijiet bejn il-koppji madwar Malta u Għawdex u kien hawn li ħeġġet biex ir-relevanza u l-validità ta’ dan l-istudju jittieħdu bis-serjetà.

 

Il-President qalet li minn dan l-istudju joħorġu bosta lezzjonijiet li jeħtieġ nitgħallmu u npoġġuwhom fil-prattika, kemm fuq livell personali, kif ukoll fuq livell professjonali, “biex ir-relazzjonijiet, u sussegwentement il-wellbeing individwali u kollettiv tagħna, jkunu jistgħu jiżviluppaw b’mod b’saħħtu.” Il-President Marie-Louise Coleiro Preca qalet dan filwaqt li appellat lill-policymakers, lill-professjonisti fis-settur, lis-soċjetà ċivili u lil dawk kollha li jixtiequ l-ġid lis-soċjetà Maltija “biex jifhmu u jagħrfu r-responsabbilità li għandhom, li jmexxu ’l quddiem din il-kontribuzzjoni oriġinali, biex niżguraw li jkollna strutturi li jissapportjaw relazzjonijiet aktar b’saħħithom”.

 

Il-President uriet it-tħassib tagħha għal dawk il-membri tas-soċjetà Maltija li għandhom ir-relazzjonijiet tagħhom f’riskju ta’ deterjorament, bħala riżultat tal-inġustizzji soċjali li ġew imposti fuqhom. Hija tenniet li huwa inaċċettabbli li l-esklużjoni soċjali qed tkompli tinfirex fis-soċjetà tagħna u qalet li fl-ispirtu ta’ dak li jisħqu fuqu l-miri għall-iżvilupp sostenibbli, “huwa ta’ importanza kbira li l-inklużjoni soċjali tkun indirizzata mill-komunitajiet kollha tagħna, b’għarfien sħiħ għad-dinjità u l-ġid komuni, u mistħoqq lil kulħadd.

 

Fl-aħħarnett, il-President stiednet lil dawk preżenti biex jingħaqdu magħha “f’din r-responsabbiltà biex  immexxu ’l quddiem, dak li tgħallimna mill-eluf li pparteċipaw f’dan l-istudju, ħalli kull biċċa xogħol li nagħmlu f’dan il-qasam, biex insaħħu l-ġid tas-soċjetà,  ikun ispirat u infurmat min-nies infushom”. B’hekk, saħqet il-President, kulħadd ikun qiegħed jgħin b’mod effettiv fl-iżvilupp ta’ ċittadinanza attiva li eventwalment twassal għal demokrazija aktar b’saħħitha.