Diskors tal-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca fl-okkażjoni tal-iskambju tal-awguri tal-Ewwel tas-Sena mal-Konsli Onorarji fil-Palazz, il-Belt Valletta.

Huwa ta’ pjaċir għalija li qed niltaqa’ magħkom  biex nagħtu l-awguri tas-Sena l-Ġdida lil xulxin.  Minn qalbi, nawgura lilkom, u lill- familji tagħkom, sena mimlija ġid u paċi.

Mal-bidu ta’ kull sena ġdida, ħafna drabi nieqfu nirriflettu fuq dak li għadda, matul is-sena ta’ qabel, bil-ħsieb, li nħarsu ’l quddiem lejn is-sena li tkun ġejja, b’mod aktar għaqli u nfurmat.

 

Meta nħares lejn is-sena l-oħra, nara sena mimlija sew bi ġrajjiet sbieħ, ġrajjiet li ġabulna dieqa, ġrajjiet li se jkunu storiċi u oħrajn umani.

Minn qalbi nittama, li dawk il-ġrajjiet pożittivi, u li għandhom il-potenżjal li, tul iż-żmien, ibiddlu d-direzzjoni li fiha miexja d-dinja, jilħqu l-għan aħħari tagħhom, dak li jinkiseb il-ġid b’risq l-umanità.

Illum se nagħti ħarsa ħafifa lejn xi wħud minn dawn il-ġrajjiet.  F’Settembru inżamm is-Summit tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York, dwar il-Miri sal-2030 għall-Izvilupp Sostenibbli; u f’Diċembru nżammet il-konferenza dwar it-Tibdil fil-Klima f’Pariġi.

 

F’pajjiżna stess, kellna il-Valletta Summit f’Ottubru, u l-laqgħa tal-Kapijiet tal-Pajjizi tal-Commonwealth f’Novembru, li t-tnejn ġabu fostna mexxejja minn pajjizi u kulturi diversi, taħt saqaf wieħed biex jitkellmu madwar l-istess mejda.  Avvenimenti mill-aktar importanti u storiċi.

Għalhekk, fil-bidu ta’ din is-sena ġdida nħoss li rridu nistaqsu; x’ser nagħmlu b’riżultat ta’ dan kollu, biex din is-sena li għandna quddiemna, tkun waħda li tkompli tibni fuq l-impenn mistqarr u maqbul f’dawn l-avvenimenti, biex nagħtu sehemna ħalli nagħtu tassew tama ġdida, u ħajja ta’ kwalità aħjar, għall-umanità kollha kemm hi?

 

Fil-ħsibijiet tiegħi, nara li d-djalogu li beda ġewwa pajjiżna bejn tant ġnus u stati, jista’, u għandu, jitkompla, speċjalment li issa rajna li, fil-fatt, huwa possibli, li tant Mexxejja jiġu madwar l-istess mejda biex jiddiskutu materji tant importanti.

Kienet esperjenza fejn Malta uriet li bil-fatti tista’ sservi ta’ pont u ta’ hub għal dan id-djalogu fost Mexxejja, nies, kulturi, twemmin u opinjonijiet diversi. Nittama li din is-sena tkun waħda fejn dan id-djalogu jkompli jiżviluppa u jissaħħaħ, għall-ġid ta’ kullħadd, u li Malta tkompli sservi ta’ ċentru ta’ paċi.

Sadanittant, mill-ġrajjiet li seħħew barra minn pajjiżna, rajna ħafna ħeġġa għall-bidla minn kważi l-pajjiżi kollha tad-dinja.

Din is-sena, għandha tagħti bidu għall-ħidma biex dak li l-pajjiżi qablu dwaru, jibda jseħħ.

Qed nirreferi kemm għall-Miri għall-Izvilupp Sostenibbli 2030, kif ukoll għall-ħarsien tal-ambjent u l-klima.  Irid ikun l-impenn ta’ kullħadd, inkluż tagħna, imsarraf f’ħidmiet konkreti li jrid iwassalna biex nilħqu dawn l-għanijiet.

Sinjuri Konsli Onorarji,

Jien nara r-rwol tagħkom f’dan l-iżvilupp li semmejt bħala wieħed importanti ħafna, għax għandkom l-opportunità li ġġibu n-nies flimkien, tgħinu biex ikun hawn il-paċi u l-għaqda, u  tkunu katalisti għal bidla li hi tant meħtieġa.

Irrid ngħidilkom kemm napprezza minn qalbi x-xogħol li tagħmlu intom biex tirrapreżentaw tant pajjiżi barranin f’Malta.

Ix-xogħol tagħkom jista’ jwassal għal aktar għarfien dwar Malta fil-pajjiżi li tirrapreżentaw, u permezz ta’ dan, tkunu ta’ għajnuna għall-ekonomija u l-vokazzjoni ta’ Malta.

Fuq livell ekonomiku, l-2015 kompliet tagħtina riżultati tajbin, kemm f’dak li huwa tkabbir ekonomiku, fil-qasam tal-impjiegi meta kkomparati ma’ pajjiżi oħra Ewropej, kif ukoll f’setturi oħra, partikolarment, fit-turiżmu, li kompla jagħti riżultati verament inkoraġġanti b’żieda sostanzjali fin-numru ta’ turisti li jagħżlu jżuru lil Malta kemm bl-ajru kif ukoll bil-baħar.

Bla dubju, is-settur turistiku, jista’ jkompli jitkattar bil-pożittività tar-relazzjonijiet tagħkom fil-pajjiż li tirrapreżentaw, kif ukoll bl-imħabba li turu għal art twelidna u l-wirt kbir  kulturali tagħna.

Ma dan ma nistax ma nsemmix it-tagħlim tal-lingwa Ingliża, fejn l-istituzzjonijiet ta’ tħarriġ f’pajjżna, għamlu isem fost l-aqwa skejjel li joffru dan is-servizz. Għaldaqstant, nawgura li tkomplu bil-ħidma tagħkom biex tkabbru l-potenzjal ta’ pajjiżna, mħux biss fit-turiżmu, iżda wkoll fi skambji edukattivi u kulturali.

Daqstant ieħor, hemm diversi setturi ekonomiċi oħrajn tal-għola livell.  Insemmi xi wħud: l-Freeport, il-Logistics Hub, il-Maritime Hub, is-Servizzi Finanzjarji, l-iGaming u l-industrija tal-Informatika, fost oħrajn.

Inħeġġiġkom li tkomplu tinkorraġġixxu aktar relazzjonijiet kummerċjali bejn il-pajjiż li tirrapreżentaw, u Malta.  Il-ħtieġa ta’ nvestiment barrani f’pajjiżna dejjem jibqa’ jeżiżti u jġib ġid għalpajjiżna.

Inħeġġeġġ biex tużaw il-kuntatti tagħkom fil-pajjiżi rispettivi li tirrapreżentaw biex tippromovu l-pajjiżna, u dak kollu li jista’ joffri għall-investitur barrani, u anke dak Malti.  Ir-rwol tagħkom bħala Konsli Onorarji, huwa ta’ importanza kbira f’dan il-qasam.

Ir-rabta li għandkom mal-pajjiżi li tirrapreżentaw, kif ukoll fis-servizz konsolari li tagħtu lil ċittadini u negozjanti li jkunu bi ħsiebhom jivjaġġaw lejn Malta, bla dubju jiswa mitqlu deheb għal pajjiżna.

Dan l-irwol importanti jgħaqqad flimkien l-aspirazzjonijiet tal-poplu Malti, li jħabrek biex ikompli joħloq niċeċ ta’ opportunitajiet li jkattru l-ġid fl-aħjar interess ta’ pajjiżna u l-poplu tiegħu.

Fl-aħħarnett, filwaqt li nestendi mill-ġdid lilkom ilkoll, l-apprezzament tiegħi, u tal-poplu Malti għax-xogħol siewi li qed tagħmlu fl-aħjar interess ta’ Malta u l-poplu tagħna, inħares ‘il quddiem biex naħdem eqreb magħkom, ħalli lil pajjiżna u l-poplu tagħna nibqgħu nagħtuh il-viżibilità li tixraqlu.

Nawgura li din is-sena tkun waħda li tiġi mfakkra bħala sena fejn il-popli kollha jikkommettu ruħhom favur id-djalogu, irrispettivament mid-diversità tagħhom.

Mill-ġdid, nawguralkom sena mimlija saħħa, ġid u paċi, lilkom u lill-familji tagħkom, u suċċess fil-ħidma li twettqu.

Nirringrazzjakom minn qalbi.