“Ejjew nagħtu tifsira vera tal-Milied billi naħsbu f’xulxin” – Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca

F’għeluq il-kampanja “Milied Flimkien” il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qalet li l-Milied ikun speċjali jekk inkunu eqreb lejn xulxin. Il-President appellat lill-poplu Malti u Għawdxi biex f’dawn il-jiem, meta jkollna sitwazzjonijiet ta’ divertiment, għandna niftakru f’dawk li ma jkollhomx din l-opportunità.

 

Il-President qalet li f’dawn il-jiem hi tiftakar fit-tfal li jgħixu fl-istituti, fit-tfal li jkollhom jagħżlu ma’ liema ġenitur se jqattgħu jum il-Milied, fit-tfal li tilfu lil xi ħadd mill-ġenituri tagħhom, fit-tfal li ma jistgħux ikunu ma’ xi ġenitur minn tagħhom għax jinsab fil-ħabs u fi tfal lil hinn minn xtutna li spiċċaw iltima minħabba l-gwerer u l-kunflitti.

 

Il-President semmiet ukoll lil dawk li jinsabu waħidhom f’dawn iż-żminijiet, fosthom anzjani. Hawnhekk, il-President esprimiet l-apprezzament tagħha lejn dawk il-parroċċi u l-Caritas li fil-jum tal-Milied se jorganizzaw ikliet għal dawk in-nies fostna li jbatu fis-solitudni. 

 

“Ejjew nagħtu tassew tifsira lil dawn il-jiem billi naħsbu f’xulxin, billi nnisslu l-ferħ veru, il-ferħ li ma jiġix b’ħafna rigali u b’ħafna ikliet, imma jiġi meta naħsbu tassew f’xulxin. Ejjew inħarsu lejn il-grotta fqajra ta’ Betlehem, li minnha, minkejja l-faqar u t-tbatija li kien hemm, ħareġ ferħ li sal-lum għadu jferraħħna,” tenniet il-President.

 

Fl-aħħar nett, il-President ta’ Malta wasslet ix-xewqat tagħha għall-Milied fejn ilkoll ningħaqdu flimkien, naħsbu f’xulxin u nħobbu l-xulxin.