Is-Sur Edgar Preca jżur 30 skola f’Malta u Għawdex bħala parti mill-BOV Piggy Bank Campaign

Dalgħodu, is-Sur Edgar Preca temm l-aħħar żjarat tiegħu fl-iskejjel bħala parti mill-Bov Piggy Bank Campaign b’risq il-Malta Community Chest Fund. Fil-messaġġ tiegħu lit-tfal, is-Sur Preca qal “Ibqgħu agħtu d-doża ta’ mħabba billi tgħinu lil min hu fil-bżonn,  għax hija din l-imħabba li tant tagħmel differenza, u li tista’ tbiddel dinja.”  B’kollox, minn Ottubru l’hawn, is-Sur Preca żar tletin skola f’Malta u Għawdex fejn it-tfal ilkoll urew entużjażmu billi jagħmlu attivitajiet li permezz tagħhom ġabru flus b’risq il-BOV Piggy Bank Campaign għall-Malta Community Chest Fund.

 

Is-Sur Preca dalgħodu żar il-Kulleġġ San Injazju fil-Ħandaq, u l-Kulleġġ San Injazju, skola primarja f’Ħal Luqa, u l-iskola internazzjonali tal-Verdala. Waqt li ltaqa’ mat-tfal kollha tal-iskola, is-Sur Preca rringrazzja lit-tfal talli dawn qed iwasslu tant messaġġ sabiħ li mill-ħin tagħhom jiġu b’ideat biex permezz tagħhom ġabru flus għall-Bov Piggy Bank Campaign b’risq il-Malta Community Chest Fund.  Is-Sur Preca qal li t-tfal għandhom jibqgħu jwasslu leħinhom biex il-kbar jisimgħu, hekk kif hija responsabbiltà tal-kbar li jisimgħu dak li għandhom xi jgħidu t-tfal.

 

Waqt iż-żjara tiegħu f’Ħal Luqa, tkellem ukoll is-Sur Charles Azzopardi, il-Brand & Marketing Manager tal-Bank of Valletta, li rringrazzja lit-tfal ta’ Malta u Għawdex hekk kif dejjem kienu bi ħġarhom biex jagħtu mill-ftit flus tagħhom b’risq din il-kampanja għall-Malta Community Chest Fund. 

 

Din is-sena, kienet timmarka t-tnax-il edizzjoni tal-BOV Piggy Bank Campaign bit-tema,  ‘Mit-Tfal b’Solidarjetà’. Is-sena li għaddiet, permezz ta’ din il-kampanja fl-iskejjel kollha, jiġifieri dawk tal-Gvern, tal-Knisja u Indipendenti, inġabru ‘l fuq minn 67,000 ewro bid-donazzjonijiet tat-tfal, filwaqt li l-Bank of Valletta rdoppja s-somma għal 135,000 ewro.

 

Il-flus tal-BOV Piggy Bank Campaign ta’ din is-sena jiġu ppreżentati waqt l-Istrina, nhar is-26 ta’ Diċembru.