DISKORS MILL-PRESIDENT TA’ MALTA MARIE-LOUISE COLEIRO PRECA WAQT LI TVARA STĦARRIĠ DWAR SĦUBIJA FIT-TREJD UNJINS U L-OPINJONI PUBBLIKA

Sinjuri, nsellmillkom u nilqagħkom għal seminar ieħor tal-Forum Nazzjonali tat-Trejd Unjins.

Bi pjaċir wasalna biex invaraw u niddiskutu flimkien ir-riżultati interessanti tal-ewwel stħarriġ xjentifiku dwar is-sħubija fit-trejd unjins u l-opinjoni pubblika dwar it-trejd unjins li qatt sar f’Malta. It-tagħrif huwa miġbur minn kampjun nazzonjali u rappreżentattiv ta’ 1,512 persuna, bl-età bejn il-15 u s-64 sena, u b’rata ta’ tweġiba (response rate) tajba ħafna ta’ 75.3%.

60% ta’ ħaddiema membri f’unjins jistqarru li huma ġeneralment sodisfatti bil-ħidma tat-trejd unjins f’Malta; u 42% ta’ ħaddiema li mhumiex imsiħbin fi trejd unjin jgħidu l-istess ħaġa.

Aktar minn 70% tal-ħaddiema jaqblu li t-trejd unjins għandhom rwol importanti f’pajjizna u li jħarsu d-drittijiet tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol.

Dawn huma ċifri ta’ nkuraġġiment u jservu bħala ċertifikati tal-fiduċja tal-poplu Malti fit-trejd unjins u l-ħidma tagħhom b’mod ġenerali.

Terz tal-ħaddiema kollha Maltin iddikjaraw li huma msieħba fi trejd unjin. Jispikka l-persentaġġ għoli ta’ ħaddiema gradwati li huma membri f’xi trejd unjin.

L-aktar oqsma ekonomiċi li għandhom persentaġġ qawwi ta’ ħaddiema li huma membri f’xi trejd unjin huma dawk ta’ l-edukazzjoni u s-saħħa;  it-tnejn huma setturi b’numru kbir ta’ ħaddiema fis-settur pubbliku.

Dawn, u ħafna dettalji oħra, huma ppreżentati u analizzati bir-reqqa f’rapport imħejji għalina minn Dr Manwel Debono, li ħa l-intrigu sabiex mexxa dan l-istudju mill-bidu sa l-aħħar.

Ta’ dan, jiena nirringrazzjah. Nirringrazzja wkoll liċ-Ċentru għall-Istudju tax-Xogħol ta’ l-Università ta’ Malta tal-appoġġ li taw sabiex iseħħ u rnexxa dan l-istudju oriġinali.  Nirringrazzja wkoll lil-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika talli wettqu l-intervisti meħtieġa permezz tat-telefon.

Nirringrazzja lill-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà, tal-impenn tagħha favur din ir-riċerka, u lejn il-ġid tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol tagħhom.

It-tagħrif miġbur joffri opportunità kbira u unika għall-għaqdiet tal-ħaddiema f’pajjiżna.

Għall-ewwel darba, għandna tagħrif dwar sħubija u opinjonijet li jmur lil hinn minn materjal u statistika miġbura mit-trejd unjins infushom.

Apparti dan, l-analiżi tikkunsidra fatturi oħra bħal sess, età, livell ta’ edukazzjoni, u natura tax-xogħol jew impieg sabiex tibni profil dettaljat tal-qagħda tat-trejd unjins f’Malta llum.

Nifhmu l-isfidi li l-għaqdiet tal-ħaddiema qed iħabbtu wiċċhom magħhom illum.

Fost dawn l-isfidi, hemm l-ewwelnett l-individwaliżmu, li jwassal bosta biex jaħsbu, jemmnu u jafdaw biss fil-ħiliet tagħhom sabiex jirnexxu u javvanzaw fuq il-post tax-xogħol.

It-tieni, hemm is-sitwazzjonijiet partikulari għal impiegi żgħar, fejn tispikka l-lealtà totali lejn l-imgħallem u s-sid, u fejn biex taħdem aktarx trid tkun membru tal-familja.

It-tielet, hemm ukoll in-nuqqas ta’ informazzjoni, ladarba diversi ħaddiema jsostnu li la jafu jekk hemmx trejd unjin attiva fuq il-post tax-xogħol tagħhom u lanqas jekk hemmx ftehim kolletiv fis-seħħ.

Dawn it-tlett xejriet ta’ żmienna jispikkaw fl-istħarriġ li qed invaraw illum.  Imma jispikka wkoll fenomenu ieħor: it-18% ta’ ħaddiema Maltin li stqarrew li kienu membri ta’ trejd unjoin f’xi żmien matul il-karriera tagħhom, imma issa m’għadhomx.  Ikun interessanti li wieħed jifhem aħjar għaliex dawn il-ħaddiema m’għadhomx membri.

B’dan is-seminar tal-lum qegħdin nibdew it-tieni sena ta’ ħidma tal-Forum Nazzjonali tat-Trejd Unjins, li twaqqaf sabiex iservi bħala qafas u spazju miftuħ fejn it-trejd unjins kollha jistgħu jiltaqgħu u jiddiskutu apertament kwistjonijiet li jolqtuhom mill-qrib.

Dan l-istudju li qed invaraw illum għandu joffri opportunità ta’ riflessjoni tax-xogħol siewi li qed tagħmlu intkom l-għaqdiet tal-ħaddiema, waqt li jissuġġerixxi wkoll riflessjonijiet dwar x’jista’ jsir aktar jew aħjar.

Nawguralkom diskussjoni utli u interessanti, u nistenna mingħandkom suġġerimenti għall-attivitajiet oħra tal-Forum Nazzjonali tat-Trejd Unjins fix-xhur li ġejjin.

Nikkonferma l-interess ta’ l-Uffiċċju tiegħi sabiex inkomplu ngħinu fit-twettiq ta’ dan ix-xogħol importanti.

Grazzi.