Il-President ta’ Malta tiltaqa’ mal-Barunessa Patricia Scotland, eletta bħala s-Segretarju Ġenerali ġdid tal-Commonwealth

F’Londra, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca ltaqgħet mal-Barunessa Patricia Scotland, eletta bħala s-Segretarju Ġenerali ġdid tal-Commonwealth fil-laqgħa taċ-CHOGM f’Malta il-ġimgħa li għaddiet.   Waqt din il-laqgħa l-Barunessa Scotland faħħret il-ħidma tal-President ta’ Malta u laqgħet l-inizjattiva tagħha biex fil-Commonwealth jiġi mwaqqaf Forum tat-Tfal.  Fuq dan l-aspett, il-President ta’ Malta se tressaq proposta lill-Barunessa Scotland biex it-tfal ikunu involuti fid-diskussjoni u l-promozzjoni tal-ugwaljanza, u biex ikunu t-tfal li flimkien mal-Commonwealth iġibu l-bidla fis-soċjetà. 

 

Il-Barunessa Scotland qalet li se tkun qed tipproponi logħob kulturali tal-Commonwealth għat-tfal biex id-diskussjoni tibda mit-tfal u tibqa’ tinfirex mal-kbar u l-anzjani.  

 

Waqt il-laqgħa qamet id-diskussjoni dwar l-ugwaljanza fejn il-President spjegat kif hi ntagħżlet mill-UN Women biex tkun waħda mill-għaxar kapijiet ta’ Stat li tippromwovi l-kampanja HEforSHE li ġiet varata wkoll f’Malta b’għaxar personalitajiet irġiel Maltin.  Din il-kampanja tal-Ġnus Magħquda qed issir biex tindirizza l-inugwaljanzi bejn in-nisa u l-irġiel, il-minoranzi tal-ġeneru u l-isterjotipi tal-ġeneru.

 

Il-President ta’ Malta semmiet il-ħidma tal-Fondazzjoni tal-President għall-ġid tas-Soċjetà li qed taħdem fuq il-kampanja HEforShe, u l-ħidma tal-istess fondazzjoni fuq il-bullying fuq it-tfal. Semmiet ukoll it-twaqqif tal-Istitut tal-Paċi u l-Wellbeing. 

 

Aktar qabel il-President ta’ Malta ltaqgħet ma’ Nalini Paranavitane, il-President tal-Lega tal-pajjiżi tal-Commonwealth.  Din il-lega twaqqfet disgħin sena ilu minn grupp ta’ nisa bl-għan li jippromwovu l-edukazzjoni għan-nisa u żgħażagħ femminili. Waqt il-laqgħa Nalini Paranavitane spjegat il-ħidma tal-Lega fil-Bangladesh u fit-Tanżanija, kif ukoll proġett pilota bl-isem ta’ ‘Giving Sight’ fost tfal bil-problema tal-katerretti fl-Indja.  Fuq dan il-punt, il-President ta’ Malta tkellmet fuq il-possibilità li jkun hemm professjonisti mediċi Maltin li jkunu jistgħu jagħtu mill-ħin volontarju tagħhom biex jikkuraw lit-tfal bi problemi fl-għajnejn.  Il-President faħħret lil tant professjonisti mediċi Maltin li jagħmlu xogħol ta’ volontarjat f’pajjiżi milquta mill-faqar.