Il-President tiltaqa’ mal-pazjenti Maltin akkomodati għand is-Sorijiet f’Londra.

Fit-tielet jum taż-żjara tagħha fl-Ingilterra, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca flimkien mas-Sur Preca ltaqgħet mal-pazjenti Maltin li qed jiġu akkomodati għand is-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesu u għand l-Agostinjani f’Londra.  B’kollox bħalissa f’dawn iż-żewġt idjar qed joqgħodu tnax –il pazjent flimkien mal-familjari tagħhom.

 

Waqt iż-żjara għand is-sorijiet Agostinjani, il-President ħabbret li minħabba ż-żieda ta’ pazjenti Maltin li qed jitilgħu fi sptarijiet fl-Ingilterra, il-Malta Community Chest Fund li tħallas l-akkomodazzjoni ta’ ħafna pazjenti, għaddejja b’diskussjonijiet mas-Sorijiet Agostinjani biex magħhom ukoll tkun offruta din l-għajnuna fl-akkomodazzjoni. 

 

Waqt iż-żjarat tagħha fid-dar tas-Sorijiet Agostinjani, u anki fid-dar tas-Sorijiet Franġiskani f’Londra, il-President qattgħet ħin individwali ma’ kull pazjent u mal-qraba tagħhom biex tagħti attenzjoni sħiħa għal dak li għandhom bżonn.  Il-President tisma’ mill-pazjenti nfushom biex is-servizz tal-Malta Community Chest Fund jibqa’ jindirizza l-bżonnijiet speċifiċi tal-pazjenti u tal-familjari tagħhom.  Il-Malta Community Chest Fund tħallas għall-akkomodazzjoni tal-qraba tal-pazjenti, kif ukoll titjiriet bl-ajru, u trasport tal-pazjenti meta jkunu barra l-pajjiż għall-kura.

 

Kemm lis-sorijiet Agostinjani u anki lil dawk Franġiskani, il-President ta’ Malta tat donazzjoni permezz tal-Malta Community Chest Fund biex tintuża għall-ġid tal-pazjenti Maltin. 

 

Il-President irringrazzjat lil dawn is-sorijiet Maltin li minbarra l-għajnuna tagħhom fl-akkomodazzjoni lill-pazjenti u lill-familjari tagħhom, dawn is-sorijiet jagħtu wens u għajnuna spiritwali li tant tagħti ġid lill-istess pazjenti u lill-qraba tagħhom.