Il-President ta’ Malta titla’ l-Ingilterra biex tqatta’ ħin mal-pazjenti Maltin u l-qraba tagħhom.

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca flimkien mas-Sur Preca tinsab f’Londra l-Ingilterra fi żjara  lill-pazjenti Maltin rikoverati l-Ingilterra w l-qraba tagħhom.

 

L-impenn tal-President ta’ Malta beda b’quddiesa fl-appartamenti ta’ Puttinu Cares, f’Sutton Londra fejn b’kollox hemm rikoverati ħmistax-il pazjent Malti.     Wara l-quddiesa f’wieħed mill-appartamenti flimkien mal-pazjenti u l-qraba, il-President ta’ Malta flimkien mas-Sur Preca qattgħu ħin f’laqgħat individwali u privati ma’ kull pazjent u l-familjari tagħhom.  F’dawn il-laqgħat il-President tisma’ dak li jkunu għaddejjin minnhom l-pazjenti f’dan il-perjodu tant diffiċli, u fl-istess ħin tagħmel l-għalmu tagħha biex permezz tal-Malta Community Chest Fund dawn il-pazjenti jingħataw l-appoġġ li għandhom bżonn. 

 

Għall-President ta’ Malta din hija żjara importanti għaliex tkun trid tisma’ mill-pazjenti infushom u l-qraba tagħhom dwar dak li jgħaddu minnu, u b’dan il-mod permezz tal-Malta Community Chest Fund, tagħmel ħilitha biex ittejjeb is-servizzi li jingħataw lill-pazjenti Maltin u Għawdxin.

 

Wara ż-żjara lill-pazjenti Maltin fl-appartamenti ta’ Sutton, il-President ta’ Malta marret fl-isptar Royal Marsden, fejn hemmhekk jinsabu rikoverati ħames pazjenti Maltin, fosthom żewġt itfal, waħda ta’ sitt snin u oħra ta’ tnax –il sena. Il-President qattgħet ħin titkellem mal-pazjenti u l-familjari tagħhom li jkunu għaddejjin minn żmien diffiċli mmens, anki għaliex ikunu ‘l bogħod mill-familjari tagħhom f’Malta.

 

Il-President ta’ Malta temmen li dejjem għandha tisma’ mill-pazjenti nfushom u l-familjari tagħhom biex tagħtihom l-wens u l-appoġġ li jkollhom bżonn f’dawn il-mumenti.    Bosta minn dawn il-pazjenti jingħataw appoġġ mill-Malta Community Chest Fund li tagħti sostenn lil mijiet kbar ta’ Maltin u Għawdxin li jkollhom bżonn kura barra l-pajjiż, fi ħlas ta’ terapija speċjalizzata, mediċina, biljetti tal-ajru u anki fit-trasport.

 

Iż-żjara tal-President ta’ Malta fl-Ingilterra se tissokta fil-jiem li ġejjin fejn għada se tkompli żżur pazjenti Maltin rikoverati f’diversi sptarijiet fosthom l-isptar ta’ Great Ormond Street Children’s Hospital u Moorfields Eye Hospital.  Waqt dawn iż-zjarat il-President tqatta’ wkoll ħin titkellem mal-ispeċjalisiti u t-tobba li jikkuraw lill-pazjenti Maltin fejn tirringrazzjahom għal ħidmiethom biex jikkuraw lill-pazjenti Maltin u Għawdxin.