Il-President ta’ Malta f’laqgħa mas-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, Ban Ki-moon

Illum, fil-Palazz ta’ Sant’Anton, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca kellha laqgħa mas-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, Ban Ki-Moon.

 

Waqt din il-laqgħa, il-President ta’ Malta u s-Segretarju Ġenerali tkellmu fuq il-Miri tal-Iżvilupp Sostenibbli (Sustainable Development Goals), fil-kuntest tal-edukazzjoni, il-faqar, il-kriżi tal-migrazzjoni, it-tibdil fil-klima u x-xogħol li jrid isir fil-komunitajiet.

 

Hawnhekk, Marie-Louise Coleiro Preca tenniet dak li kienet qalet waqt l-indirizz tagħha fl-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda u qalet li hemm bżonn li l-mexxejja tad-dinja jridu jingħaqdu flimkien biex jippromwovu bis-sħiħ l-inklużjoni soċjali, ekonomika u politika, filwaqt li dejjem ikunu ambaxxaturi tal-paċi u tal-wellbeing. Hija qalet li għalkemm din mhux dejjem tista’ tkun pożizzjoni popolari, hemm il-ħtieġa biex kulħadd ikun kuraġġjuż sabiex dejjem jiġu mħarsa d-drittijiet tan-nies vulnerabbli, kull fejn jinsabu.