Artisti Ċiniżi jippreżentaw lill-President ta’ Malta għadd ta’ pitturi għall-Fine Arts Auction b’risq il-Malta Community Chest Fund

Ilbieraħ filgħaxija, fil-Palazz ta’ Sant’ Anton, Marie-Louise Coleiro Preca ltaqgħet ma’ grupp ta’ Artisti Ċiniżi li qegħdin f’Malta biex permezz tat-talenti tagħhom jkunu ta’ għajnuna għal dawk fil-bżonn.  Dan il-grupp, magħmul minn 12-il persuna jifforma parti mill-Beijing Soul Inspiring Art Troupe, immexxijin mis-Sinjura Na Yuan, Artista Ċiniża ta’ fama internazzjonali. Din iż-żjara saret possibbli grazzi għall-ħidma tal-Assoċjazzoni ta’ Ħbiberija bejn Malta u ċ-Ċina immexxija mis-Sur Reno Calleja.

 

Na Yuan u l-Beijing Soul Inspiring Art Troupe ppreżentaw għadd ta’ pitturi lill-President ta’ Malta bħala donazzjoni lill-Malta Community Chest Fund sabiex ikunu jistgħu jinbiegħu fil-Fine Arts Auction li se jittella’ aktar tard f’Novembru.

 

Il-President ta’ Malta ltaqgħet ukoll ma’ żewġ kantanti famużi Ċiniżi, Chang Xinan u Xue Kong Lingzhen, li huma persuni b’diżabilità, li din il-ġimgħa se jkunu qiegħdin jagħtu kunċert b’risq id-Dar tal-Providenza. Dawn iż-żewġ kantanti urew il-bravura tagħhom billi kantaw żewġ kanzunetti, fosthom dik bil-Malti ‘Tfajjel Ċkejken’.

 

F’diskors qasir waqt din iż-żjara ta’ korteżija, il-President ta’ Malta  rringrazzjat lill-Beijing Soul Inspiring Art Troupe tal-preżenza tagħhom u talli komplew isebbħu l-Palazz bit-talenti tagħhom. Hija qalet li biex ikun hemm kooperazzjoni fejjieda bejn żewġ pajjiżi, l-ingredjent fundamentali għandu dejjem ikun l-imħabba.

 

Il-President ta’ Malta rringrazzjat lill-grupp għad-donazzjoni tal-pitturi li permezz tagħhom, il-Malta Community Chest Fund se tkun tista’ tkompli tgħin lil dawk il-Maltin u l-Għawdxin li sfortunatament għaddejjin mill-marda tal-kanċer u mard kroniku ieħor.

 

Iż-żjara ntemmet bi preżentazzjoni ta’ Ċertifikati bħala sinjal ta’ rikonoxximent għall-għajnuna tagħhom b’risq The Malta Community Chest  Fund. Preżenti waqt din il-laqgħa, kien hemm ukoll l-Ambaxxatur taċ-Ċina għal Malta, Cai Jinbiao and  s-Sinjura tiegħu, Mme. Wang Jianqun.