Il-President tappella biex il-ġudikatura tagħti widen għall-vuċi tat-tfal

Waqt il-ġurament tal-ħatra tal-Maġistrat Donatella Frendo Dimech l-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca appellat biex il-ġudikatura tagħti lok biex fil-każijiet ikun hemm l-avukati tat-tfal ħalli t-tfal ikollhom min qed iwassal il-vuċi tagħhom. Il-President ta’ Malta saħqet li hemm bżonn li t-tfal  jingħataw dan l-ispazju bil-għan li l-vuċi tagħhom tingħata widen, u dan b’konformi ma’ artiklu 12 tal-konvenzjoni tad-drittijiet tat-tfal.

 

Il-President tkellmet fuq kif din il-ġimgħa waqt żjara fi skola, tifla ta’ tnax–il sena esprimiet id-dieqa tagħha meta tara lill-ħabiba tagħha ssofri tant minħabba sitwazzjoni familjari. Il-President qalet li hemm bżonn li f’każijiet fil-Qorti fejn ikunu affettwati t-tfal, dawn għandu jkollhom avukat tagħhom li jirrapreżenta l-vuċi tagħhom.

 

Il-President ta’ Malta qalet ukoll li l-fatt li saret ħatra ta’ ġudikant mara, dan qed ifisser li l-ġudikatura ta’ pajjiżna qed tissaħħaħ fid-demokrazija, hekk kif il-Maġistrat Frendo Dimech hija s-sitt ġudikant mara li ngħatat il-ħatra f’dawn l-aħħar snin.