Riċerka tal-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà turi li terz ta’ dawk li għandhom bejn 18 u 30 sena qed jużaw l-internet b’mod eċċessiv

Minn riċerka li saret miċ-Ċentru Nazzjonali għall-Ħelsien mill-Vizzji tal-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà ħareġ li terz ta’ dawk li għandhom bejn 18 u 30 sena qed jużaw l-internet b’mod eċċessiv. Din ir-riċerka ġiet żvelata dalgħodu waqt konferenza tal-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà fil-Palazz Verdala.
Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca spjegat li kienet hi li talbet liċ-Ċentru Nazzjonali għall-Ħelsien mill-Vizzji tal-Fondazzjoni biex jistħarreġ dwar l-użu tal-Internet u s-social media, u l-effetti li jkollu l-użu ta’ din it-tip ta’ komunikazzjoni. Qabel ma dan seta’ jseħħ, kien importanti li ċ-Ċentru jara jekk l-Internet huwiex qed ikun ta’ dannu għaż-żgħażagħ f’Malta. Il-President spjegat li kienet interessata li tara kif din it-tip ta’ komunikazzjoni qed tintuża mit-tfal u miż-żgħażagħ. Il-President spjegat kif din hija l-ewwel darba li saret din it-tip ta’ riċerka u dan dejjem abbażi l-miri tal-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà li tistħarreġ dak li qed jiġri f’diversi sferi tas-soċjetà, bil-għan li titqajjem iktar kuxjenza fuq il-wellbeing tal-bniedem.
Għal dan l-istħarriġ sar kuntatt ma’ 4,233 persuna li minnhom 1,507 kienu eliġibbli li jieħdu sehem. Minn dan l-istħarriġ ġie żvelat li 33% ta’ dawk li għandhom bejn 18 u 30 sena, jużaw l-internet b’mod eċċessiv u li esperjenzaw problemi minħabba dan l-użu eċċessiv. Mill-istħarriġ ħareġ ukoll li 83.8%, jużaw l-internet l-aktar għas-social media. Ħareġ ukoll li l-irġiel jużaw l-internet b’mod iktar eċċessiv min-nisa. L-istħarriġ wera wkoll li l-użu tal-internet huwa inqas f’Għawdex meta mqabbel ma’ dak f’Malta.
Dr Anna Vella, iċ-chairperson taċ-Ċentru Nazzjonali għall-Ħelsien mill-Vizzji fi ħdan il-Fondazzjoni qalet li għalkemm għalissa qed jidher li m’hemmx problemi kbar fl-użu tal-internet, il-fatt li terz ta’ dawk li għandhom bejn 18 u 30 sena qed jużaw l-internet b’mod eċċessiv, din trid tiġi mistħarrġa iktar fil-fond, u dan biex wieħed jara kif se jindirizza l-bżonnijiet taż-żgħażagħ għall-ġid tal-wellbeing tagħhom.