Il-Premju tal-President għall-Kreattività 2015

Il-bieraħ filgħaxija, fil-Palazz Verdala, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca ppremjat 11-il proġett għall-Premju tal-President għall-Kreattività 2015.

 

Il-Premju tal-President għall-Kreattività jsir bil-għan li jindirizza fl-ogħla livell tal-istat, rikonoxximent u appoġġ  lill-organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet, speċjalment dawk immirati lejn il-ħtiġijiet soċjali u l-wellbeing tal-komunitajiet u tas-setturi l-iktar vulnerabbli.

 

L-għanijiet prinċipali tal-premju huma: li jigħata appoġġ lill-organizazzjonijiet li jinvolvu lil nies u gruppi vulnerabbli fi proġetti artistiċi u kreattivi bl-iskop li jiżdied il-livell ta’ integrazzjoni ta’ dawn il-gruppi fis-soċjetà; li jipprovdi aċċessibilità għal firxa wiesgħa t’esperjenzi artistiċi ta’ kwalità għal gruppi żvantaġġati filwaqt li jservi bħala pjattaforma għal talent ġdid u li jinċentiva l-kontribut tal-organizzazzjonijiet tal-arti lejn żvilupp komunitarju u proġetti kollaborattivi tal-arti.

 

Minn din is-sena, l-Premju tal-President għall-Kreattività qiegħed jiġi organizzat mill-Kunsill Malti għall-Arti taħt il-Patrunaġġ tal-President ta’ Malta.

 

B’kollox kien hemm 40-il sottomissjoni li minnhom intgħażlu 11-il proġett li bejniethom ħadu is-somma ta’ €65,000. Il-proċess tal-evalwazzjoni kien immoderat mill-Fund Manager Dr Simone Inguanez.

 

F’diskors qasir waqt l-għoti tal-premjijiet, il-President Marie-Louise Coleiro Preca qalet li dan il-premju huwa pass ‘il quddiem biex bħala soċjetà nkabbru l-kreattività. Hija tenniet li permezz ta’ dawn il-proġetti rebbieħa ser tkun qiegħda ssir differenza fil-ħajjiet ta’ dawk il-gruppi ta’ nies vulnerabbli u żvantaġġjati, kif ukoll fis-soċjetà Maltija.  “Permezz ta’ dan il-premju u dawn il-proġetti mhux biss qiegħdin nindirizzaw l-isfidi, imma qiegħdin ngħinu biex l-individwi li huma parti mill-proġetti jiżviluppaw b’mod sħiħ”, stqarret il-President.

 

Il-proġetti li ntagħżlu huma dawn:

 

  1. KOPIN (Koperazzjoni Internazzjonali – Malta) : bi proġett ntitolata YEP! Young People Explore Photography

Proġett li jiffoka fuq l-iżvilupp personali, emozzjonali, u tal-ħiliet, u fuq l-inklużjoni ta’ żgħażagħ żvantaġġati permezz tal-esplorazzjoni tal-fotografija. F’dal proċess, il-proġett ilaqqa’ seba’ żgħażagħ Maltin żvantaġġati soċjalment, u seba’ minuri li qed ifittxu l-ażil.

 

  1. Merlin Publishers Limited: bi proġett ntitolat Isma’ l-Ktieb

Proġett immirat biex itaffi n-nuqqas ta’ letteratura bil-Malti f’verżjoni awdjo, partikolarment għal tfal bi sfidi fil-vista jew fil-qari. Il-proġett jinvolvi recordings tal-ogħla livell fi studio professjonali, u se jiġu ppreżentati minn atturi u qarrejja professjonali, taħt it-tmexxija ta’ direttur artistiku. Il-firxa ta’ kotba se tvarja minn stejjer klassiċi mil-letteratura Maltija għal xogħlijiet iżjed kontemporanji.

 

  1. Fondazzjoni Ċentru għall-Kreattività: bi proġett ntitolat Explore-Develop-Create

Programm ġdid tal-arti viżiva mfassal speċifikament għar-residenti kollha tal-faċilitajiet korrettivi ta’ Kordin. Il-proġett joffri lill-parteċipanti l-opportunità li jesperjenzaw l-arti bħala għodda, kemm edukattiva kif ukoll espressiva. Il-proċess huwa mmirat lejn l-iżvilupp artistiku u dokumentazzjoni kreattiva.

 

  1. Maria Regina College : bi proġett ntitolat SPEAK

Il-proġett jinvolvi żewġ sensiliet ta’ workshops immirati biex itejbu l-litteriżmu, il-ħiliet tal-kommunikazzjoni, l-apprezzament tal-mużika u l-istima personali tal-parteċipanti, permezz tal-fenomenu kulturali tar-rap.

 

  1. Opening Doors Association: bi proġett msejjes fuq il-Physical Theatre, Mime u Puppetry

Opening Doors huwa grupp awtonomu li jopera fuq livell nazzjonali biex jippromwovi l-involviment ta’ adulti bi sfidi fit-tagħlim, fl-oqsma tal-arti u l-kreattività. Dan il-proġett jgħin lill-grupp jgħaddi għall-fażi li jmiss tax-xogħol tiegħu, u jgħin sabiex il-firxa ta’ ħiliet fiżiċi tal-grupp tissokta titwessa’.

 

  1. G F Abela Junior College: bi proġett ntitolat Building a More Inclusive Society, Teaching and Learning Through Digital Media

Proġett li għandu l-għan li ikattar l-involviment ta’ persuni diversi fis-soċjetà u fid-dinja tax-xogħol permezz tal-kreattività. Il-proġett ilaqqa’ żgħażagħ minn oqsma differenti, irawwimhom f’ħiliet varji tal-komunikazzjoni u tal-midja diġitali, u jgħinhom joħolqu xogħlijiet tal-arti diġitali madwar tema soċjali li jagħżlu huma stess.

 

  1. Youth Residence Mount Carmel Hospital : bi proġett ntitolat An Empowering Art Journey

Proġett li joħloq pont bejn il-kreattività u t-terapija. Il-kreattività tiffaċilita l-espressjoni, l-intuwizzjoni u r-regolazzjoni emozzjonali; tiffaċilita wkoll l-interazzjoni soċjali. Dal-proġett jisfrutta l-opportunità li toffri l-kreattività bħala alternattiva eċċellenti għat-terapiji tradizzjonali, f’dal-każ, bl-użu tat-tafal.

 

  1. ŻiguŻajg International Arts Festival for Children and Young People: bil-proġett ŻiguŻajg Festival & Fondazzjoni Kenn għal Saħħtek Outreach Project
    F’dan il-proġett, l-eċċellenza kreattiva tal-Festival Internazzjonali tal-Arti għat-Tfal u ż-Żgħażagħ ŻiguŻajg, tiltaqa’ mal-għarfien espert tal-Fondazzjoni Kenn għal Saħħtek, f’pakkett kreattiv li jinvolvi firxa wiesgħa ta’ żgħażagħ u li jkattar l-għarfien fuq eating disorders.
  2. Fondazzjoni Kenn għal Saħħtek: bi proġett ntitolat THE DRAMATIC BODYMIND – A dramatherapeutic process serving the healing process of adults with eating disorders

Proġett li jgħin ir-residenti tad-Dar Kenn għal Saħħtek jinvolvu ruħhom fi proċess kreattiv intensiv fit-tul, u jsostnihom fil-mixja tagħhom lejn il-fejqan billi jkattrilhom l-għarfien u jgħinhom jissoktaw jiżviluppaw il-personalità tagħhom. Il-proġett jibni fuq proġett pilota ta’ għaxar sessjonijiet li sar fiċ-ċentru u li ntlaqa’ tajjeb ferm.

 

  1. Studio 18 : bi proġett ntitolat INTE-GREAT

Proġett jinvolvi għadd ta’ immigranti u artisti żgħażagħ fi proċess kreattiv li jwassal għal performance installation. Din l-installazzjoni tinkorpora teatru verbatim flimkien ma’ dokumentarju qasir li jistħarreġ il-komunità u l-umanità fid-diversità tagħhom.

 

  1. St Jeanne Antide Foundation: bi proġett ntitolat MY SURVIVAL, MY EXPERIENCE – collective experiences of survival after intimate partner violence

Proġett li, permezz tal-espressjoni kreattiva, joħloq pjattaforma fejn nisa li għaddew minn abbuż f’relazzjonijiet intimi jsiru aġenti ta’ solidarjetà u bidla, u jressqu rakkomandazzjonijiet għal miżuri xierqa fis-setturi varji tal-ġustizzja, is-saħħa, l-edukazzjoni u t-taħriġ, il-ħarsien soċjali, u d-djar.