Il-President ta’ Malta tagħti appoġġ lill-UNESCO fil-proġett ta’ Art Camp Malta

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, dalgħodu, fil-Palazz ta’ San Anton ppresediet konferenza tal-aħbarijiet dwar l-Art Camp tal-UNESCO. Dan l-Art Camp tal-UNESCO huwa wieħed mill-għodod magħżula mill-Ġnus Magħquda bħala parti mill-miri ta’ żvilupp sostenibbli u promozzjoni tal-paċi permezz tal-arti. Il-President ta’ Malta faħħret u tat appoġġ għal din l-inizjattiva ta’ diplomazija kulturali fejn permezz tal-arti, artisti minn diversi pajjiżi se jkunu qed jingħaqdu flimkien permezz ta’ dan l-Art Camp li se jkun qed isir il-ġimgħa d-dieħla fil-Palazz Verdala.

 

B’kollox, fil-Palazz Verdala se jkunu qed jingħaqdu 15–il artist mir-reġjun tal-Mediterran fejn permezz tal-espressjoni artistika tagħhom se jkunu qed jippromwovu l-paċi.

 

Il-konferenza tal-aħbarijiet ġiet indirizzata wkoll mill-artista Ambaxxatriċi tal-Paċi tal-UNESCO, Madame Hedva Ser. Madame Ser iddiskutiet dan il-proġett mal-President ta’ Malta, li min-naħa tagħha tat kull appoġġ għal dan il-proġett favur il-paċi.

 

Fl-aħħar tal-proġett, l-artisti mistennija li jtellgħu wirja artistika bit-tema “Ebda paċi fid-dinja, mingħajr paċi fil-Mediterran.”