Il-President ta’ Malta tindirizza l-Ewwel Konferenza Nazzjonali fuq il-Bullying mill-Perspettiva tat-Tfal

Waqt diskors li tat fl-ewwel Konferenza Nazzjonali dwar il-Bullying organizzata mill-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà flimkien mal-Università ta’ Malta, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca pproponiet biex f’kull skola ta’ pajjiżna tiddaħħal policy dwar il-bullying għall-ġid tat-tfal kollha.

 

Din l-ewwel konferenza Nazzjonali dwar il-bullying saret wara li fil-maġġoranza tal-iskejjel li żaret il-President matul dawn l-aħħar tnax–il xahar,  it-tfal esprimew problemi  ta’ bullying.   F’dawn il-laqgħat fi gruppi żgħar f’kull skola li żaret il-President, it-tfal fetħu qalbhom dwar kif il-bullying jaffettwahom negattivatament.

 

Il-President spjegat kif it-tfal tkellmu magħha dwar diversi forom ta’ bullying fosthom dak b’dannu fiżiku, abbuż verbali, u bullying li jiżolahom mill-bqija tal-klassi.

 

Il-President saħqet fuq il-bżonn li minbarra policies kontra l-bullying fl-iskejjel, hemm bżonn ta’ tagħlim, u għodda oħra edukattivi li jgħinu lit-tfal biex jaċċettaw lilhom infushom kif inhuma u jissaħħu billi jitgħallmu r-rispett lejn ħaddieħor, il-valur tat-tolleranza għal kull min huwa differenti, anki f’dik li hi orjentazzjoni sesswali.

 

Il-President spjegat kif skejjel li għandhom policy dwar il-bullying  qed jirreġistraw riżultati pożittivi u huwa għalhekk li ħeġġet biex kull skola ddaħħal policy fuq il-bullying għaliex din żgur tgħin lit-tfal jaqsmu bejniethom aġir ferm iktar tolleranti u pożittiv.

 

It-tfal li jesperjenzaw il-bullying qalu lill-President kif jgħaddu minn din it-tbatija minħabba pereżempju sitwazzjoni fil-familja,  id-dehra, ir-razza jew kultura, il-ġeneru, u anki saħanistra jekk ikollhom nuċċali tal-vista.

 

Kif spjegat il-President, din hija l-ewwel Konferenza Nazzjonali fejn minflok ma tkellmu l-adulti, il-protagonisti huma t-tfal, hekk kif il-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà għamlet eżerċizzji ma’ madwar ħamsin tifel u tifla, u anki adoloxxenti biex semgħu mill-perspettiva tagħhom dwar kif qed jaffettwahom il-bullying, u x’jixtiequ li jsir.

 

Il-President semmiet dwar kemm ikun hemm tfal li jbatu wkoll minn bullying minħabba l-orjentazzjoni sesswali tagħhom.  Hawnhekk il-President semmiet l-iskejjel tal-Knisja, fejn tfal taw reazzjonijiet sensittivi fuq kwistjonijiet ta’ sesswalità u identità tal-ġeneru.

“Niftakar żjarat f’żewġ skejjel tal-Knisja, fejn tifel tkellem fuq l-esperjenza tiegħu li jesprimi l-identità tal-ġeneru tiegħu.  Huwa spjegali kif li kieku ma kellux ambjent li tah tant appoġġ mill-awtoritajiet tal-iskola u sħabu, kieku ma kien qatt ikun f’paċi miegħu nnifsu”. Madanakollu, kif spjegat il-President, mhux kull tifel jew tifla għandhom dan l-appoġġ u allura huwa ta’ dieqa kbira meta wieħed jirrealizza kemm ibatu u minn xiex jgħaddu dawn it-tfal meta ma jsibux min ma jaċċettahomx kif inhuma.

 

Il-Konferenza Nazzjonali dwar il-Bullying mill-Perspettiva tat-tfal hija l-ewwel waħda li qatt saret fil-pajjiż hekk kif għall-ewwel darba kienu t-tfal li tkellmu fuq din il-problema.  Il-Konferenza fil-Palazz Verdala, ġiet organizzata mill-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà u s-Centre for Resilience and Socio-Emotional Health fi ħdan l-Università ta’ Malta.  Għal din il-konferenza nġiebu ħames kelliema internazzjonali fosthom Prof. Phillip Slee mill-Università Flinders fl-Awstralja, Dr.Paul Downes minn Dublin City University fl-Irlanda, Prof. Asher Ben-Arieh, Ms Elizabeth Slee u Dr.Grace Skrzypiec.  Waqt il-konferenza ntwerew filmati ta’ tfal jitkellmu fuq il-bullying u kif jixtiequ li l-bullying jiġi missielet, fosthom ukoll cyber-bullying.  Fil-Palazz Verdala fejn ittellgħet din il-konferenza ntweriet esibizzjoni ta’ tpinġijiet li għamlu t-tfal stess, fejn esprimew dak li jħossu fuq il-problema tal-bullying.