Il-President ta’ Malta tiftaħ ċ-ċentru ġdid tal-Fondazzjoni Karl Vella.

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca llum wara nofsinhar fetħet iċ-ċentru ġdid tal-Fondazzjoni Karl Vella fil-Kitchen Garden, wara li kienet hi stess li offriet dan l-ispazju biex din il-Fondazzjoni tkun tista’ toffri s-servizzi tagħha lil tfal li l-ġenituri tagħhom ikunu għaddejjin minn perjodu ta’ mard.  Il-Fondazzjoni Karl Vella twaqqfet biex tkompli l-ġid li ried iħalli warajh Karl Jacob Vella, li ħalla din id-dinja fi Frar tas-sena li għaddiet.  Il-Fondazzjoni Karl Vella twaqqfet ftit xhur wara li miet Karl fejn il-mara tiegħu Rose, iż-żewġ uliedha, u ħbieb bdew jaħdmu biex iwaqqfu servizzi għal tfal li l-ġenituri tagħhom għaddejjin minn perjodu ta’ mard.

Il-President ta’ Malta faħħret lill-familja Vella li minkejja t-tant saram li għaddew minnu, dawn flimkien irnexxielhom jibnu fuq il-viżjoni li kellu Karl Vella li jagħmlu d-differenza u l-ġid fil-komunità. Qalet li l-familja Vella hi ta’ min jammiraha bis-sħiħ u kien għalhekk li meta resqu lejha għall-appoġġ biex joffru s-servizz għal tfal li l-ġenituri tagħhom ikunu għaddejjin minn perjodu ta’ mard, mill-ewwel offriet l-ispazju fil-Kitchen Garden biex din il-ħolma sseħħ. Il-President spjegat li l-Fondazzjoni Karl Vella se tkun qed tagħti servizz li qabel ma kienx  jeżisti, f’ambjent b’riżorsi għal tfal li jkollhom bżonn appoġġ li jagħtihom is-saħħa li hemm bżonn biex jimxu ‘l quddiem. 

 

Waqt iċ-ċerimonja tal-ftuħ, il-Kummissarju tat-tfal Helen D’Amato nediet ktejjeb apposta bi storja relatata mas-servizzi tal-Fondazzjoni Karl Vella.

 

Is-servizzi tal-Fondazzjoni Karl Vella se jkunu offruti fi spazju offrut mill-President ta’ Malta fil-Kitchen Garden, spazju mill-isbaħ li ġie ddisinjat minn Mario Cassar.

 

F’dan l-ambjent il-Fondazzjoni Karl Vella se tkun qed toffri servizzi ta’ appoġġ lil tfal bejn il-ħames snin u sbatax –il sena, fejn se tingħata għajnuna fuq il-homework, u appoġġ psiko-soċjali.