Il-President ta’ Malta tħabbar konferenza dwar il-Bullying mill-perspettiva tat-tfal

Dalgħodu l-President ta’ Malta hekk kif issuktat bil-programm ta’ żjarat fl-iskejjel, ħabbret konferenza dwar il-bullying li se tiġi organizzata mill-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà fit-23 ta’ Ottubru fil-Palazz Verdala.  Għall-ewwel darba se titħabbar riċerka li saret fost it-tfal Maltin u se tiġi diskussa l-problema tal-bullying mill-perspettiva tat-tfal.

 

Il-konferenza tal-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà se tkun l-ewwel waħda li qatt saret fil-pajjiż, fejn il-problema tal-bullying se tiffoka fuq il-perspettiva tal-vittma tal-bullying, ta’ min iwettaq il-bullying u dawk li jkunu qed xhieda tal-bullying.

 

Il-President spjegat li kemm ilha żzur skejjel, jiġifieri għal din l-aħħar sena, f’kull skola li żaret rrealizzat li l-problema tal-bullying fit-tfal qed tgħolli rasha ‘l fuq.  Għal din il-konferenza se jinġiebu sitt kellima internazzjonali mill-Awstralja, Irlanda u mir-Renju Unit, fosthom lil Professur Asher Ben-Arieh, Professur Phillip Slee, Dr. Paul Downes, Dr. Grace Skrzpiec, u Mrs Elizabeth Slee. Il-Professur Slee li ġie fil-bidu tas-sena biex iħarreġ lill-għalliema tal-PSD fl-iskejjel tal-istat se jagħti evalwazzjoni tal-impatt li kellu dan l-istħarriġ kemm fuq l-għalliema, kif ukoll fuq it-tfal.

 

Din il-konferenza qed tiġi organizzata flimkien ma’ Professur Carmel Cefai li jmexxi is-Centre for Resilience, and Socio-Emotional Health tal-Università ta’ Malta. Professur Cefai għamel riċerka intensiva fuq il-bullying li tinkludi intervisti ma’ tliet elef tifel u tifla.  F’din il-konferenza se jitkellmu kapijiet ta’ skejjel tal-istat, tal-knisja u dawk indipendenti.

Il-konsultazzjoni li għamlet il-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà mat-tfal minn età ta’ 7 snin sa 17 –il sena se tintwera f’forma ta’ filmat u preżentazzjoni mit-tfal stess.

 

Il-Konferenza tal-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà se ssir fit-23 ta’ Ottubru, il-Verdala u min irid jibbukkja jista’ jagħmel dan bejn 0830am u l-1600hrs fuq  21 484662 jew online permezz ta’ www.pfws.org.mt