Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca tvara l-kampanja HE for SHE waqt laqgħa mal-UN Women fi New York.

Il-President ta’ Malta Malta Marie-Louise Coleiro Preca dalgħodu varat l-kampanja He for She f’laqgħa mad-deputat direttur eżekuttiv tal-Un Women Lakshmi Puri.   F’Malta din il-kampanja se tiġi varata mill-Fondazzjoni tal-President għall-ġid tas-Soċjeta’ fin-Notte Bianca fit-2 ta’ Ottubru li ġej.

 

Il-Kampanja He for She, hija inizjattiva tal-Ġnus Magħquda  mmirata li tindirizza l-inugwaljanzi bejn nisa u rġiel, minoranzi ta’ ġeneru u sterjotipi ta’ ġeneru.  Għal din il-kampanja, l-Ġnus Magħquda għażlet għaxar kapijiet ta’ stat minn madwar id-dinja, fosthom lill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca bħala l-kapijiet ta’ Stat li se jmexxu ‘l quddiem it-temi ta’ din il-kampanja.  Mill-għaxar Kapijiet ta’ Stat, il-President Coleiro Preca hija l-unika mara kap ta’ Stat magħżula għall-kampanja flimkien ma’ kapijiet oħra ta’ stat fosthom il-President tal-Fillandja, il-Prim Ministru tal-Iżlanda,  l-Prim Ministru tal-Ġappun u l-Prim Ministru tal-Iżvezja.

 

Il-Kampanja He for She għażlet ukoll għaxar kapijiet akkadmiċi minn Universitajiet madwar id-dinja, u għaxar kapijiet eżekuttivi ta’ kumpanniji.

 

Waqt il-laqgħa fi New York, id-deputat direttur eżekuttiv tal-Un Women Lakshmi Puri qalet li meta se tiġi f’Malta għall-Commonwealth f’Novembr li ġej trid tilaqa’ mal-President Coleiro Preca u mal-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjeta’ biex flimkien jiddiskutu l-andament tal-Kampanja He for She f’Malta.  Waqt din il-laqgħa d-direttur ġenerali tal-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjeta’ Dr.Ruth Farrugia spjegat il-ħidma li qed issir fuq din il-kampanja bl-involviment ta’ personalitajiet rġiel Maltin.   Il-President tkellmet ukoll fuq ideat li għandha biex il-Ġnus Magħquda tvara forum għat-tfal, għaliex temmen li t-tfal għandhom jippreżentaw ir-rakkomandazzjonijiet tagħhom lill-kapjiet ta’ Stat.  Lakshmi Puri faħħret l-inizjattivi tal-President favur il-ġid tat-tfal, u tant inizjattivi favur l-umanita’, u favur l-ugwaljanzi bejn il-ġeneri.   Puri qalet li tinsab ħerqana li taħdem f’kollaborazzjoni mal-President Coleiro Preca biex jinżera’ l-ġid b’rabta wkoll mal-miri tal-Ġnus Magħquda għal żvilupp sostenibbli sas-sena 2030.

 

Dalgħodu l-President ta’ Malta marret żżur Ground Zero u l-mużew li jfakkar l-attakki terroristiċi tal-ħdax ta’ Settembru fi New York fejn b’kollox sfaw vittma 3,000 ruħ fosthom Brian Joseph Cachia ta’ dixxendenza Maltija li tiegħu hemm ritratt f’dan il-mużew.  Waqt din iż-żjara l-President poġġiet rit ta’ fjuri b’rispett lejn il-vittmi, quddiem l-unika siġra li salvat mill-attakki tal-ħdax ta’ Settembru, siġra li tissimbolizza l-ħajja u d-determinazzjoni għall-għixien.  Fiż-żjara fil-mużew tal-ħdax ta’ Settembru l-President kitbet ukoll messaġġ b’riflessjoni fuq din il-ġrajja li heżżet lid-dinja, li ġie trażmess fuq parti mill-mafkar li hemm f’dan il-mużew.

 

Għada l-President ta’ Malta se tkun qed tagħti d-diskors tagħha fis-Summit tal-Ġnus Magħquda dwar il-miri għal żvilupp sostenibbli, liema diskors se jsir fis-sala tal-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħqua fi New York.  Id-diskors se jixxandar dirett fuq l-istazzjon nazzjonali TVM fis-sitta neqsin kwart ta’ filgħaxija ħin ta’ Malta.  Jintwera wkoll fuq is-sit tal-Ġnus Magħquda http://webtv.un.org/