Il-President ta’ Malta tindirizza d-djalogu interattiv tal-Ġnus Magħquda fuq kif għandu jiġi eliminat il-faqar u l-ġuħ fid-dinja.

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca dalgħodu ssuktat bl-impenji tagħha fi New York l-Istati Uniti b’diskors li tat fl-Interactive Dialogue tas-Summit tal-Ġnus Magħquda dwar il-miri għal żvilupp sostenibbli biex jeliminaw il-faqar u l-ġuħ fid-dinja.

Fid-diskors tagħha l-President ta’ Malta appellat lill-pajjiżi tal-Ġnus Magħquda biex jieħdu azzjoni urġenti kontra l-faqar fid-dinja, hekk kif spjegat li l-faqar mhuwiex kwistjoni ta’ indivdwu, familja, għażla ta’ komunita’ jew difiċjenza iżda bil-kuntarju hija problema li ġejja minn inġustizzji politiċi, soċjali u ekonomiċi.

Il-President spjegat kif ir-riżorsi ta’ din id-dinja huma biżżejjed biex jitimgħu u jipprovdu kenn u għixien lil tnax –il biljun persuna u allura hemm xi ħaġa ħażina li b’popolazzjoni dinjija ta’ 7 biljun ruħ, xorta hawn tant nies li qed jgħixu fil-faqar u l-ġuħ.    Il-President rreferiet għall-istatistika b’figuri xokkanti ta’ nies maqbuda fil-faqar fl-Afrika, Amerika Latina u Karibew u kif li anki skont l-istatistika tal-Unjoni Ewropea turi li sas-sena 2020, fl-Ewropa l-ammont ta’ nies mabquda fil-faqar se tilħaq il-mitt miljun.

 

B’dan il-mod il-President spjegat kif il-faqar qiegħed kullimkien, u li hekk kif il-figuri tal-faqar fl-Unjoni Ewropea huma xokkanti, wieħed allura jitħasseb sew fuq il-figuri ta’ faqar li qed jaħkmu kontinenti bħall-Afrika u kontinenti oħra.

Il-President spjegat kif wieħed mis-sinjali ta’ faqar huwa l-inabbilta’ li wieħed jippateċipa fil-ħajja soċjali u politika.  Spjegat kif biex wieħed jista’ jindirizza l-faqar l-ewwel irid ikun mgħarraf minn fejn hu ġej bħal illetteriżmu, nuqqas ta’ edukazzjoni, nuqqas ta’ aċċess għal bżonnijiet bażiċi, u li wieħed irid jirriskja ħajtu biex jipprova jgħix.  Spjegat li l-faqar jista’ jiġi missielet biss jekk wieħed jifhem minn fejn hu ġej u t-tibdiliet ekonomiċi u soċjali li qed iwasslu għall-faqar.

Il-President spjegat kif is-suq ekonomiku dinji huwa mneżża’ mill-libsa umana, u huwa li għalhekk tant nies jispiċċaw jgħerqu fil-faqar.

F’dan id-djalogu fil-Ġnus Magħquda l-President appellat lill-Gvernijiet biex jagħtu importanza ikbar għal policies inklussivi u li jintegraw lil dawk li qed jaqgħu lura.  Saħqet li hem bżonn ta’ investiment ikbar f’edukazzjoni li tindirizza l-bżonnijiet ta’ kulħadd, policies għal żvilupp b’saħħtu tal-komunita’ u kura tas-saħħa diċenti għal kulħadd.

Il-President appellat lill-pajjiżi tal-Ġnus Magħquda l-iktar dawk li jagħmlu parti minn blokok ta’ poter biex ibiddlu l-policies ekonomiċi u agrarji tagħhom li tant qed jagħmlu ħsara għall-iżvilupp fl-Afrika u kontinenti oħra.

Il-President appellat għal sforz kollettiv mill-pajjiżi tal-Ġnus Magħquda biex irażżnu l-industrija tal-armi u b’hekk pajjiżi maħkuma mill-faqar ikunu jistgħu jonfqu aktar fuq programmi edukattivi u miżuri li jkattru l-ġid fil-bniedem.

Fl-egħluq tad-diskors tagħha, il-President rreferiet għal kliem Nelson Mandela, li l-ġlieda kontra l-faqar u l-ġuħ mhijiex kwistjoni ta’ karita’, imma hija kwistjoni ta’ ġustizzja soċjali għaliex il-faqar iġibu b’idejh il-bniedem.