l-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca tiltaqa’ ma’ Irina Bokova, id-Direttur Ġenerali tal-UNESCO.

Il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca ltaqgħet ma’ Irina Bokova, id-Direttur Ġenerali tal-UNESCO. Waqt din il-laqgħa fi New York, id-direttur Ġenerali tal-Unesco qalet li kienet ħerqana li tiltaqa’ mal-President ta’ Malta għaliex semgħet kemm qed taħdem favur il-ġid tas-soċjetà u dawk li huma eskużi mis-soċjetà. Is-sinjura Bokova qalet lill-President ta’ Malta li tixtieq li taħdem magħha fuq proġett għax temmen li jista’ joħroġ il-ġid jekk issir xi tip ta’ kollaborazzjoni bejn il-Unesco u l-Uffiċċju tal-President ta’ Malta.  

 

Il-President ta’ Malta spjegat lis-sinjura Bokova l-ħidma li qed issir f’Malta mill-Uffiċċju, bħal pereżempju proġetti għat-tfal permezz tal-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà, fejn din is-sena permezz ta’ The President’s Secret Garden inħolqu spazji għat-tfal. Il-President spjegat li kull meta żżur l-iskejjel tat-tfal dawn ripetutament jitkellmu fuq in-nuqqas ta’ spazju fejn jilagħbu u jirrikreaw ruħhom u kien għalhekk li fetħet il-ġnien privat tal-Palazz ta’ San Anton biex it-tfal, b’diversi programmi edukattivi informali, jirrikreaw ruħhom u jitgħallmu fi spazju ħieles.  

 

Il-President tkellmet fuq ix-xogħol li jsir mill-Fondazzjoni li jinkludi tant diskussjoni u riċerka fuq setturi li jolqtu lis-soċjetà Maltija inklużi l-edukazzjoni tat-tfal, l-ikel li qed jieklu l-istess tfal, u setturi oħrajn fejn hemm bżonn li tiġi mbuttata aġenda favur il-ġid tan-nies biex jgħixu b’mod dinjituż u xieraq. Id-Direttur Ġenerali tal-UNESCO qalet li tinsab impressjonata bil-ħidma tal-Fondazzjoni u għalhekk talbet biex fil-futur qarib isiru laqgħat bejn iż-żewġ naħat għal iktar kollaborazzjoni.

 

Għal din il-laqgħa kienet preżenti d-Direttur Ġenerali tal-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà Dr Ruth Farrugia, u Prof Carmel Borġ li huwa ċ-Chairman tal-Osservatorju Nazzjonali għall-għajxien b’dinjità fi ħdan l-istess Fondazzjoni.