ROCKESTRA 2015 tara folla ta’ ’il fuq minn 11,000 ruħ

Fl-MFCC f’Ta’ Qali, il-Malta Community Chest Fund flimkien mal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta lbieraħ tellgħu s-seba’ edizzjoni tal-Kunċert Rockestra.

Aktar minn 11,000 ruħ attendew għal dan il-kunċert li l-fondi tiegħu marru għal The Malta Community Chest Fund.

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca ddeskriviet Rockestra bħala avveniment li joħloq atmosfera mill-isbaħ u li jservi bħala pjattaforma biex jiġi apprezzat it-talent lokali, filwaqt li jiġu megħjuna dawk kollha li għandhom bżonn l-għajnuna tal-Malta Community Chest Fund. Dawn jinkludu nies morda bil-kanċer u b’mard kroniku u pazjenti li jkollhom bżonn imorru għal trattamenti barra minn Malta. Il-President ta’ Malta rringrazzjat lill-Maltin u lill-Għawdxin li dejjem ikunu hemm sabiex jappoġġjaw lill-Malta Community Chest Fund biex din il-Fondazzjoni tkompli tagħmel iktar ġid.

Rockestra din is-sena kellha wkoll is-sehem tal-kantant Malti ta’ fama Internazzjonali, Marc Storace.

Rockestra għandha s-sehem tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali taħt id-direzzjoni mużikali ta’ Sigmund Mifsud, u d-direzzjoni artistika ta’ Pawlu Borġ Bonaċi.