‘Filwaqt li nikkommemoraw l-Assedju l-Kbir, irid isir xi ħaġa biex jitwaqqaf l-assedju li għaddejja minnu d-dinja bħalissa’

Nhar il-Ġimgħa filgħaxija, il-President Marie-Louise Coleiro Preca fetħet uffiċjalment il-wirja ‘The Great Siege of Malta Exhibition’ organizzata minn Heritage Malta b’kollaborazzjoni mal-Malta Libraries, liema wirja, ser tagħti l-opportunità biex il-pubbliku jara mal-mitejn oġġett, opra tal-arti u dokumenti li ġejjin minn diversi mużewijiet barranin, u li issa jinsabu kollha taħt l-istess saqaf.

Il-President qalet li filwaqt li qiegħed jiġi kkommemorat l-Assedju l-Kbir, hija ma setgħetx ma tirreferix għall-isfidi li bħala pajjiż, u reġjun qed naffaċċjaw, b’movimenti ta’ popli sħaħ, fejn mijiet ta’ eluf ta’ bnedmin qed jiġu sfruttati u abbandunati. Fi kliem il-President, “dan huwa assedju mill-aktar aħrax u li jġib ħafna tbatija miegħu u telf ta’ ħajjiet”.

Il-President appellat biex il-pajjiżi jingħaqdu flimkien fil-konfront ta’ dawn l-isfidi sabiex id-diversi xeni ta’ dawn l-aħħar jiem, fosthom ir-ritratti taċ-ċkejken Aylan Kurdi, ma nibqgħux narawhom.

Il-President għalqet billi saħqet li l-ebda pajjiż m’għandu jibqa’ passiv u li jkun dnub jekk ma jsir xejn biex l-assedju li għaddejjin minnu bħalissa jitwaqqaf biex ma jkunx hawn aktar nies li jitilfu ħajjithom b’dan il-mod. Hija qalet li rridu naħdmu għal paċi, għaliex il-paċi ma’ tiksibiex u daqshekk, iżda rridu naħdmu għalijha kuljum.

Preżenti għall-ftuħ ta’ din il-wirja kien hemm ukoll il-Ministru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, Owen Bonnici.


‘The Great Siege of Malta Exhibition’ tibqa’ għaddejja sas-6 ta’ Diċembru fil-Palazz tal-President, il-Belt Valletta.