Il-President ta’ Malta żżur l-eżerċizzju ta’ simulazzjoni ta’ terrimot

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca dalgħodu kienet preżenti waqt eżerċizzju ta’ simulazzjoni ta’ terrimot fil-Qortin, f’Għawdex.  L-eżerċizzju serva biex wieħed jistabbilixxi kemm pajjiżna hu ppreparat biex f’każ bħal dan ikollu l-aqwa rispons possibbli f’oqsma bħall-komunikazzjoni, is-salvataġġ, l-għajnuna umanitarja, l-evakwazzjoni u l-kura.

Waqt din iż-żjara l-President ta’ Malta faħħret lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, lill-Forzi Armati ta’ Malta, lill-Pulizija, u lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ta’ Sqallija għall-kollaborazzjoni  u d-dedikazzjoni tagħhom f’dan l-eżerċizzju utli għall-gżejjer Maltin.

Il-President ta’ Malta appellat biex f’eżerċizzju bħal dan isir taħriġ biex issir komunikazzjoni adegwata ma’ persuni b’diżabilità, fosthom bl-użu ta’ lingwa tas-sinjali għal persuni nieqsa mis-smigħ u metodi li jikkunsidraw ukoll lil persuni bil-kundizzjoni tal-awtiżmu.