“Irridu nibżgħu għall-lingwa Maltija, għax din tagħtina l-identità tagħna”

“Irridu nibżgħu għal-lingwa Maltija, għax din tagħtina l-identità tagħna”. Dan kien l-appell tal- President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca waqt diskors li għamlet f’għeluq ta’ serata mużiko-letterarja fil-Palazz ta’ Sant’ Anton.

Il-President qalet li huwa meħtieġ li jiżdied l-għarfien dwar ir-rikkezza tal-lingwa Maltija, li hija parti mill-patrimonju ta’ pajjiżna, sabiex kull Malti u kull Maltija jkunu jafu minn fejn bdew u min bdiehom, għax huwa b’dan il-mod li nifhmu bis-sħiħ l-identità tagħna. Hija tenniet li hemm bżonn li nibżgħu għal dan il-patrimonju, filwaqt li nżidu miegħu, sabiex inkunu nistgħu nħalluh aħjar milli sibnieh, għal dawk li ġejjin warajna.

Il-President tkellmet ukoll fuq l-isfidi kbar li pajjiżna għadu qiegħed jiffaċċja fis-settur tal-litteriżmu, fejn kważi tlieta minn kull għaxar żgħażagħ għandhom problema bil-litteriżmu. Il-President ta’ Malta tenniet li għad fadal ħafna x’isir biex dawn l-isfidi jiġu megħluba, mhux biss mil-lat eżekuttiv tal-pajjiż, imma anka fuq livell individwali.

Hawnhekk, Marie-Louise Coleiro Preca saħqet dwar li hemm bżonn kontinwu biex l-adulti jippromwovu l-lingwa Maltija filwaqt li jinkoraġixxu t-tagħlim, speċjalment meta jiġu f’kuntatt mat-tfal u ż-żgħażagħ, partikularment dawk li ma jkunux qegħdin jifhmu il-mument tagħhom fis-sistema edukattiva. Il-President tkellmet ukoll fuq l-importanza ta’ komunità magħquda, liema komunità, meta tinkludi fiha r-riżorsi mill-bosta membri tagħha, tkun kapaċi tgħin biex jiġu megħluba l-isfidi soċjali. Hija tenniet li d-dmir ta’ kull wieħed u waħda minna huwa li nkunu attivi fil-komunitajiet u mhux passivi.

Il-President kienet qiegħda titkellem fl-aħħar tas-serata ntitolata ‘O Żmien Ħelu’, li kienet organizzata mill-Uffiċċju tal-President flimkien ma’ VersAgħtini, biex jiġi mfakkar il-Jum Internazzjonali tal-Litteriżmu mill-UNESCO. It-tema ta’ din is-sena kienet ‘Il-Litteriżmu u l-appoġġ lill-komunitajiet’.

Is-serata ħadet lil dawk preżenti fuq vjaġġ madwar l-istorja tal-litteratura Maltija matul iż-żminijiet, b’għadd ta’ qarrejja jaqraw siltiet mill-kitbiet ta’ Mikiel Anton Vassalli, Manwel Dimech, Frans Sammut, u l-eks President Anton Buttigieg fost l-oħrajn. Inqraw ukoll sketches b’għadd ta’ djaletti Maltin, filwaqt li l-kant-awtriċi Corazon kantat siltiet mir-repertorju tagħha fosthom il-kanzunetta ‘Fid-Dar tan-Nanna’.