‘Il fuq minn 3,000 jattendu The President’s Bike Ride at Night

Suċċess fit-tieni edizzjoni ta’ The President’s Bike Ride @ Night, hekk kif ‘il fuq minn 3,000 sewwieqa tal-muturi u ċiklisti ngħaqdu flimkien b’turija ta’ solidarjetà f’attività b’risq l-eluf ta’ nies li jirrikorru għall-għajnuna tal-Malta Community Chest Fund.

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca rringrazzjat lis-sewwieqa tal-muturi u liċ-ċiklisti li għat-tieni sena konsekuttiva wrew il-qalb kbira tagħhom li jattendu għal din l-attività b’risq dawk li jiġu bżonn l-għajnuna tal-Malta Community Chest Fund. Il-President qalet li l-Malta Community Chest Fund hija l-unika fond nazzjonali li meta Malti jew Għawdxi jaffaċċja sitwazzjonijiet diffiċli bħal mard kroniku sever jew faqar, kif ukoll sitwazzjonijiet kiefra, tidħol biex tgħin u ttaffi mit-tbatija.

The President’s Bike Ride @ Night bdiet mill-Palazz ta’ San Anton, bis-sehem ta’ mijiet ta’ ċiklisti li ħonqu l-bitħa tal-Palazz biex jieħdu sehem f’din it-turija ta’ solidarjetà. Eluf ta’ sewwieqa tal-muturi telqu mill-Palazz Verdala bil-President ta’ Malta u s-Sur Preca jirringrazzjaw b’mod personali lil bosta minn dawn is-sewwieqa li ħonqu l-Palazz Verdala. Wara li indirizzat lill-eluf ta’ sewwieqa, il-President ta’ Malta flimkien mas-Sur Preca telgħu fuq mutur biex b’hekk għall-ewwel darba huma wkoll ħadu sehem b’mod attiv f’din l-attività ta’ solidarjetà.

The President’s Bike Ride @ Night għalqet b’kunċert mill-aqwa għall-parteċipanti u għall-pubbliku inġenerali f’Montekristo Estates f’Ħal Farruġ, mir-rock band FIRE.