Il-President ta’ Malta iżżur l-Awtorita’ tas-Servizzi Finanzjarji

Dalgħodu l-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca żaret l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji fejn ġiet milqugħa mic-chairman tal-Awtorità l-Professur Joe Bannister. Waqt din iż-żjara, il-President spjegat lill-ġurnalisti fejn qed titlob l-appoġġ tal-Awtorità u anki ta’ entitajiet oħra biex tirrestawra l-Palazz ta’ San Anton. 

Il-President ta’ Malta uriet lill-ġurnalisti pjanti u ritratti ta’ kif qed tippjana li tirrestawra l-Palazz ta’ San Anton, fosthom b’librerija li fiha tiġbor il-kotba maħruġa b’tant għaqal u rikkezza minn awturi Maltin u Għawdxin. Il-President qalet li dan qed tagħmlu għaliex trid li tipproteġi l-Patrimonju Malti u fl-istess ħin iservi bħala opportunità biex il-poplu Malti u Għawdxi jgawdi dan il-Patrimonju.  Il-President qed taspira li bl-appoġġ lejn dan il-proġett mill-MFSA, il-Palazzi jinfetħu għall-pubbliku u jidħol introjtu għall-Malta Community Chest Fund.

Il-President ta’ Malta qalet li l-MFSA hija waħda mill-iktar awtoritajiet importanti tal-pajjiż, istituzzjoni ta’ natura ekonomika u ta’ importanza strateġika għaliex permezz tagħha jinħolqu l-impjiegi fil-pajjiż.  Il-President irringrazzjat lill-Awtorità għall-appoġġ li din tagħti lill-Presidenza, b’appoġġ lejn persuna b’diżabbiltà u diffikultajiet soċjali u b’għajnuna finanzjarja tal-MFSA, din il-persuna ġiet mgħejjuna biex timxi ‘l quddiem.  Il-President qalet li mal-Professur Bannister tkellmet fuq iktar kooperazzjoni bejn l-uffiċċju tal-President u l-Awtoritaà għas-Servizzi Finanzjarji.

Il-President ħadet l-opportunità li tiltaqa’ mal-ħaddiema tal-MFSA, fejn spjegat id-domanda kbira li qed ikollha l-Malta Community Chest Fund li f’dawn l-aħħar xahrejn, in-nefqa kienet teċċedi l-kwart ta’ miljun ewro.  Spjegat kif ix-xahar li għadda, it-talba għall-għajnuna tant kibret li l-Malta Community Chest Fund kellha tonfoq ‘il fuq minn tlett mitt elf ewro f’għajnuna u terapija speċjalizzata barra l-pajjiż.  Il-President fakkret fil-kampanja li għaddejja tal-Malta Community Chest Fund fejn il-ħaddiema jekk iridu jistgħu jagħtu donazzjoni ta’ ewro fix-xahar mill-paga tagħhom.