Il-President ta’ Malta f’laqgħa mal-President Taljan Sergio Mattarella

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca laqgħet lill-President Taljan Sergio Mattarella waqt l-ewwel żjara uffiċjali tiegħu f’Malta.  Waqt indirizz konġunt lill-ġurnalisti fil-Palazz ta’ San Anton, il-President ta’ Malta spjegat kif waqt il-laqgħa bejn iż-żewġ naħat, iffukat fuq ir-relazzjoni eċċellenti li hemm bejn Malta u l-Italja, filwaqt li wriet l-apprezzament li hemm fuq diversi oqsma.  Il-President qalet li waqt il-laqgħa wriet l-apprezzament lejn il-Gvern Taljan għall-kooperazzjoni li teżisti dwar l-isfida tal-immigrazzjoni illegali, fosthom l-operazzjoni Mare Nostrum u dik Triton li għenu wkoll lil Malta f’din is-sitwazzjoni umanitarja.  

 

Il-President spjegat kif l-immigrazzjoni illegali ġejja minn diversi sitwazzjonijiet fosthom il-faqar ekonomiku, u fil-laqgħa ssemma’ wkoll is-summit UE – Afrika f’Novembru li ġej, li mistenni jindirizza din l-isfida umanitarja.  Qalet li tittama li din l-isfida fil-Mediterran tiġi indirizzata biex tagħti tama lil tant eluf ta’ nies li jaffaċċjaw din is-sitwazzjoni. 

 

Il-President qalet li mal-President Taljan qasmet bosta ħsibijiet li huma komuni bejn iż-żewg pajjiżi fosthom is-sitwazzjoni tal-Libja u t-Tuneżija, u kif Malta u  l-Italja se jibqgħu vuċi waħda fl-Unjoni Ewropea favur is-sigurtà, u l-istabbiltà fil-Mediterran u fl-Ewropa. 

 

Il-President rringrazzjat lill-President Mattarella għall-ħbiberija tal-Italja ma’ Malta, u tawgura li din tkompli tissaħħaħ.  Qalet li se tkun qiegħda tistenna bil-ħerqa laqgħa oħra li se jkollha mal-President Mattarella fil-Ġermanja f’Settembru li ġej, meta se jkunu parti mill-grupp ta’ Presidenti, il-laqgħa msejħa Arraiolos, li hija inizjattiva tal-President tal-Ġermanja Joachim Gauck.