Suċċess għall-Ewwel Edizzjoni ta’ The President’s Cruise for Solidarity

Suċċess fl-ewwel edizzjoni ta’ The President’s Cruise for Solidarity, b’il fuq minn 200 opra tal-baħar u iktar minn 500 ruħ abbord id-dgħajjes, ilkoll b’turija ta’ appoġġ lejn il-Malta Community Chest Fund.

 

L-attività bdiet mill-Port il-Kbir tal-Belt Valletta, u ntemmet f’San Pawl il-Baħar.

 

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca u s-Sur Edgar Preca kienu abbord il-Patrol Boat tal-Forzi Armati ta’ Malta P21, minn fejn flimkien, ma’ mijiet ta’ opriet tal-baħar, ivvjaġġaw flimkien f’din l-attività spettakolari fil-Port il-Kbir ta’ Malta.

 

F’diskors tal-okkażjoni malli ntemmet l-attività, l-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca rringrazzjat lill-mijiet li kkonkorrew bi ħġarhom, lill-Ministru tat-Trasport Joe Mizzi u lil Paula Mifsud Bonniċi li akkumpanjawha abbord il-Patrol Boat, lil Transport Malta,  lill-Pulizija, lill-Forzi Armati ta’ Malta, u lil Malta Red Cross.  Il-President spjegat kif il-Malta Community Chest Fund qed tirrikorri għal attivitajiet varji għaliex it-talba għan-nefqa għall-kimoterapija u kura speċjalizzata, qed tlaħħaq il-kwart ta’ miljun ewro fix-xahar.  Fix-xahar il-Malta Community Chest Fund qed ikollha mitejn applikazzjoni ġdida b’talbiet għal għajnuniet varji fosthom dawk ta’ mard u anke faqar.  Il-President irringrazzjat lill-organizzaturi ta’ din l-attività li, flimkien mal-Uffiċċju tal-President, ħolqu attività oħra ta’ suċċess li se tkun parti mill-kalendarju ta’ attivitajiet tal-Malta Community Chest Fund.

 

Tkellem ic-chairman tal-kumitat ta’ The President’s Cruise for Solidarity is-Sur Peter Valentino li qal li għas-sena li jmiss din l-attività se terġa’ tkun fil-kalendarju u se tkompli tikber.  Is-Sur Valentino rringrazzja lill-isponsors u lil dawk kollha li kkontribwew biex din l-attività kienet suċċess.