Varat il-Ballu tal-Qamar ta’ Awwissu 2015

 Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca dalgħodu varat il-Ballu tal-Qamar ta’Awwissu 2015, li se jsir fl-1 ta’ Awwissu fil-Palazz Verdala. 

 Il-President ta’ Malta spjegat kif dan il-Ballu għandu storja twila ta’ suċċess, fejn mal-elf ruħ jingħaqdu flimkien f’serata sabiħa ta’ ikel u divertiment, b’turija ta’ Solidarjetà lejn il-Malta Community Chest Fund.  Il-President spjegat kif din se tkun lejla speċjali, fejn filwaqt li min se jattendi se jieħu gost, fl-istess ħin se jkun qed jgħin lil eluf ta’ Maltin u Għawdxin li jirrikorru għall-għajnuna tal-Malta Community Chest Fund.

 Fix-xahar, il-Malta Community Chest Fund qed tirċievi 200 applikazzjoni ġdida, u qed tonfoq 250,000 ewro fix-xahar f’kimoterapija u kura speċjalizzata.  Il-President tenniet kif il-Malta Community Chest Fund huwa l-unika fond Nazzjonali li qed jipprovdi l-mezzi finanzjarji għal kura barra l-pajjiż, trasport tal-pazjenti u għajnuna fi vjaġġar tal-qraba  tal-pazjenti barra l-pajjiż.

 Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, iċ-chairman tal-kumitat organizzattiv il-Markeżin Daniel de Petri Testaferrata spjega kif din il-lejla tal-Ballu se tkun għal darb’oħra waħda speċjali ħafna fl-ambjent mill-isbaħ tal-Palazz Verdala.  Il-Markeżin irringrazzja lill-Banda tal-Forzi Armati , lill-Banda tal-Pulizija,  lil George Curmi l-Puse’ u l-Band tiegħu, kif ukoll lil Dj Pierre Cordina li lkoll se jieħdu ħsieb d-divertiment ta’ dan il-Ballu tal-Qamar ta’Awwissu.  Il-Markeżin irringrazzja wkoll lill-Island Caterers li se jieħdu ħsieb il-catering ta’ dan il-Ballu bi prezz ridott ħafna f’appoġġ lejn il-Malta Community Chest Fund.

 Il-Biljetti qed jinbiegħu bil-prezz ta’ 75 Ewro, u jistgħu jinxtraw online minn www.augustmoonball.com,  mill-Palazz tal-Belt, u minn dak ta’ San Anton, u mill-uffiċċju tal-MCCF f’Għawdex.  Għal iktar informazzjoni minn fuq it-telefon; 21226226, jew 21553807(Għawdex).