Il-kampanja ‘MCCF 1 Euro Campaign’ b’risq il-Malta Community Chest Fund

 Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, dalgħodu varat il-kampanja ‘MCCF 1 Euro Campaign’ b’risq il-Malta Community Chest Fund.  Din il-kampanja qed tistieden lill-ħaddiema kollha u lil min iħaddem biex fix-xahar jagħtu ewro għall-Malta Community Chest Fund.  Il-President ta’ Malta spjegat kif fix-xahar il-Malta Community Chest Fund qed tirċievi mal-200 applikazzjoni ġdida mingħand nies li, jew minħabba mard kroniku sever jew minħabba sitwazzjonijiet varji, qed jirrikorru għand il-Malta Community Chest Fund għall-għajnuna.

 “Il-Malta Community Chest Fund hija l-unika fond nazzjonali li qed tgħin lil nies li jkollhom bżonn kura jew terapija speċjalizzata.  Il-Malta Community Chest Fund qed tonfoq 250,000 ewro fix-xahar f’kimoterapija jew kura speċjalizzata. Qed tonfoq 25,000 ewro fix-xahar għall-familji li jakkumpanjaw lill-qraba morda tagħhom barra l-pajjiż.  L-MCCF qed tonfoq 22,000 ewro fix-xahar f’apparat mediku li jinkludi wheelchairs, mobility aids, sodod u saqqijiet speċjalizzati.  Qed tonfoq 10,000 ewro fix-xahar f’għajnuna soċjali, fosthom vawċers għall-ikel, tagħmir ta’ bżonn fid-djar, u għajnuniet lill-istudenti.  L-MCCF qed tonfoq ukoll 900,000 ewro fis-sena f’għajnuna lill-NGO’s”

 Il-President  ta’ Malta spjegat li l-Malta Community Chest Fund ma tridx li tkun f’pożizzjoni li tirrifjuta li tagħti l-għajnuna lil min għandu bżonn, minħabba li jispiċċaw il-fondi.  Huwa għalhekk, spjegat il-President, li b’ewro fix-xahar mingħand kulħadd, tagħmel id-differenza għall-istess familji li qed jiġu bżonn il-Malta Community Chest Fund.

 Waqt il-konferenza tkellem is-segretarju tal-Presidenza s-Sur Carmel Briffa li spjega kif se tkun qed tintbagħat ittra lil min iħaddem biex min irid ikun jista’ japplika biex mill-paga tinqatagħlu ewro fix-xahar għall-Malta Community Chest Fund.  Tkellem ukoll id-Direttur Ġenerali tal-Malta Employers Association is-Sur Joe Farrugia li spjega kif huma qed jinkoraġġixxu lil kull min iħaddem biex jgħinu f’din il-kawża ġusta.

Preżenti għall-konferenza attendew għadd ta’ rappreżentanti tal-Unions, biex jagħtu appoġġ għal din l-inizjattiva, li huma l-GWU, l-MUMN, il-Union tal-gwidi tat-Turisti, il-Kamra tal-ispiżjara, u l-MUT.  ​