Il-ktieb Tisjir mill-Qalb 2014 jirbaħ il-kategorija bħala –aqwa ktieb tar-riċetti fid-Dinja għal skop filantropiku

Il-ktieb ‘Tisjir mill-Qalb 2014’ maħruġ mill-Uffiċċju tal-President b’risq il-Malta Community Chest Fund rebaħ il-kategorija bħala l-aqwa ktieb tar-riċetti fid-dinja għal skop filantropiku, fil-Gourmand World Cookbook Awards, li ġie organizzat fiċ-Ċina llum, id-9 ta’ Ġunju. 

Edgar Preca li kien wieħed mill-personalitajiet li ta r-riċetti tiegħu għal dan il-ktieb, kien preżenti għall-għoti ta’ dan il-premju fiċ-Ċina. Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca rringrazzjat lil kull min ta sehmu fosthom lill-personalitajiet li offrew ir-riċetti tagħhom u lill-IRIS għar-ritratti tagħhom. 

Il-ktieb ‘Tisjir mill-Qalb 2014’ b’riċetti minn għaxar personalitajiet ġie magħżul għal tliet kategoriji, bħala l-aqwa ktieb tar-riċetti bl-iskop li jinġabru fondi għall-persuni fil-bżonn; l-aqwa daħla tal-ktieb li ġie miktub mill-President Marie-Louise Coleiro Preca u magħżul ukoll għall-aqwa fotografija ta’ ktieb tar-riċetti meħudin mill-għaqda IRIS. 

Tisjir mill-Qalb 2014’ kien kompost b’riċetti minn Edgar Preca,  Manuel Aquilina, George Borg, Nancy Buhagiar, Neil Darmanin, Aaron Degabriele, Joseph Mizzi, Liz Said, Mark Schembri u Karmen Tedesco. Il-ktieb kellu b’kollox tmenin riċetta nkluż riċetti b’ikliet veġetarjani. ​