Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, akkumpanjata mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela, żaru l-Isptar Hope XChange f’Kumasi fil-Ghana. Dan l-isptar huwa magħruf bħala l-Isptar Malti fil-Ghana u dan għaliex kienet il-ġenerożità tal-Maltin li b’ħidma bla waqfien tal-Ghana Mission Foundation li dan l-isptar inbena u ġie mgħammar u illum qed jagħti servizz lill-eluf ta’ pazjenti f’komunità ta’ 2.5 miljuni.
Il-President Coleiro Preca kixfet lapida fl-okkażjoni taż-żjara tagħha u d-delegazzjoni Maltija u f’kummenti li tat, qalet li dan l-isptar huwa miraklu tax-xogħol, tal-ġenerożità, tas-solidarjetà u tal-imħabba li kapaci jagħtu l-Maltin.
Qalet ukoll li hija tħossha kburija li l-poplu Malti u Ghaniz, flimkien, qed jagħtu xhieda qawwija tal-impenn li għandhom b’risq l-Agenda 2030 tal-Ġnus Magħquda u l-miri għall-iżvilupp sostennibbli biex l-umanità kollha, tgawdi d-drittijiet fundamentali tagħha u biex flimkien nagħmlu dinja aħjar.