Aktar kmieni llum fil-Palazz ta’ Sant’ Anton, u fil-preżenza tal-President ta’ Malta, l-Eċċellenza Tagħha Marie-Louise Coleiro Preca, Profs Peter Mayo, trustee ta’ The President’s Trust u s-Sur Mario Muscat, Chairman ta’ Ozo Group, ffirmaw ftehim ta’ koperazzjoni li permezz tiegħu twaqfet għall-ewwel darba l-inizjattiva “Adopt A Family”.
“Adopt a Family” hija inizjattiva nazzjonali li permezz tagħha individwi u/jew kumpaniji qed jiġu mistiedna biex jagħmlu donazzjonijiet lil The President’s Trust ħalli dawn ikunu jistgħu jintużaw għall-benefiċċju tal-familji l-aktar fil-bżonn, partikolarment għall-iżvilupp edukattiv tagħhom.
Il-President irringrazzjat lis-Sur Mario Muscat, Chairman tal-OzoGroup, f’isem il-familji li ser jkunu qed jibbenefikaw.
Hija qalet li permezz ta’ din l-inizjattiva “ser inkunu nistgħu niefqu ma’ familji u ma’ tfal, ħalli nkunu nistgħu nedukawhom u ntuwhom opportunita’ ta’ empowerment.”
Il-President’s Trust flimkien mal-Ozo Group ser tkun qed taħdem bi sħab mal-Malta Community Chest Fund Foundation biex jiġu identifikati n-nies fil-bżonn.
Il-President’s Trust laqgħat dan il-ġest nobbli u din l-inizjattiva anke għax l-edukazzjoni tat-tfal, b’mod partikolari dik ta’ tfal li għaddejjin minn sfidi tal-ħajja, hija prijorita’ għall-The President’s Trust.
Ic-Chairman tal- Ozogroup s-Sur Mario Muscat qal li din l-inizjattiva nibtet wara li aktar kmieni waħda mill-kumpaniji tiegħu baqgħet issostni lil waħda mill-impjegati tagħha, waqt li kienet marida b’marda terminali hija xorta waħda baqgħet tirċievi s-salarju tagħha daqs li kieku baqgħet tidħol għax-xogħol regolari. Huwa qal li bis-saħħa ta’ dan il-kontribut finanzjarju, l-kumpanija setgħet tagħmel differenza fil-ħajja ta’ din il-ħaddiema u tal-familja tagħha waqt l-aktar żminijiet diffiċli ta’ ħajjitha.
B’dan f’moħħu, huwa qal li avviċina lill-Eċċellenza tagħha l-President ta’ Malta li dlonk laqgħet l-idea u żviluppata b’talli mod li l-kontribut finanzjarju tal-kumpaniji Ozo u kontribuzzjonijiet oħra li għadhom irridu jidħlu bħala parti minn din l-inizjattiva.
Is-Sur Muscat ħabbar li l-Grupp ser ikun qed ivara din l-inizjattiva b’donazzjoni ta’ 12 –il elf ewro maqsuma fuq tnax –il xahar. L-Istess Sur Muscat appella lill-aktar kumpaniji u/jew individwi biex jagħmlu l-istess u huma wkoll jkomplu jsostnu din l-inizjattiva ħalli b’hekk aktar familji f’riskju ta’ faqar jkunu jistgħu jiġu mgħejuna permezz tal-President’s Trust.
Il-President’s Trust twaqfet mill-President ta’ Malta f’Mejju tal-2015, filwaqt li l-kumpanija Ozo Group għadha kif għalqet 20 sena topera f’diversi setturi ġewwa pajjiżna.