Il-President ta’ Malta tibda Żjara Statali fis-Slovenja

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca aktar kmieni llum bdiet żjara statali fir-Repubblika tas-Slovenja fejn hu mistenni li jkollha laqgħat bilaterali mal-ogħla dinjitarji tal-pajjiż.
 
L-ewwel Żjara Statali minn Kap ta’ Stat Malti saret mill-President Emeritu Profs Guido De Marco fl-2002, li kienet imbagħad replikata minn żjara mill-President Sloven ta’ dak iż-żmien Milan Kucan. 
 
Mal-wasla tagħha fl-ajruport Jože Pučnik f’Ljubljana, il-President ta’ Malta kienet milqugħa minn Gorazd Zmavc, il-Ministru responsabbli mir-relazzjonijiet bejn ir-Repubblika Slovena u l-komunità nazzjonali; mis-Sur Iztok Mirosič, Ambaxxatur tar-Repubblika tas-Slovenja akkreditat lil Malta,  mis-Sur Marko Makovec, Konsulent tal-Politika Barranija tal-President tar-Repubblika tal-Islovenja; mis-Sinjura Ksenija Beneditti, Kap tal-Protokoll; u minn Petra Česen Čatar, Ministru Plenipotenzjarju fid-Dipartiment tal-Politika Ewropea fi ħdan il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tar-Repubblika tas-Slovenja.
 
Jakkumpanjaw lil President ta’ Malta matul din iż-żjara statali, is-Sur Edgar Preca, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Dr. George Vella u delegazzjoni kummerċjali.