Il-President Ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca tniedi L-Premju Nazzjonali B’Ħilti Wasalt Organizzat Mil-Laboratorju Tal-Paċi

Dalgħodu l-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca nediet il-Premju Nazzjonali b’Ħilti Wasalt li qed jiġi organizzat mil-Laboratorju tal-Paċi. Dan il-premju se jidentifika u jagħraf l-isforzi ta’ individwi li darba kienu f’riskju ta’ faqar u li permezz ta’ ħidmiethom irnexxielhom jegħlbu l-isfidi u wettqu atti ta’ solidarjetà ma’ sħabhom u l-bqija tas-soċjetà. 
 
Fid-diskors tagħha l-President ta’ Malta faħħret l-inizjattiva tal-Laboratorju tal-Paċi mmexxi minn Patri Dijonisju Mintoff, għall-premju li għandu sinifikat speċjali għaliex jemmen fil-ġustizzja soċjali; għandu mħabba lejn għajru u lest li jagħmel parti minnu dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà. 
 
Dan il-premju b’Ħilti Wasalt qed jagħraf u japprezza lil min irid jieħu l-opportunità biex jibni ħajtu aħjar għalih innifsu u għall-għajru. Il-President awgurat lil kull min se jiġi nnominat għal dan il-premju, fejn fakkret li l-isbaħ premju se jkun dak li se jsir dak l-isforz biex il-persuna tbiddel ħajjitha u tgħix ħajja aħjar. 
 
Fid-diskors tagħha l-President qalet li b’xorti ħażina l-għadd ta’ persuni u familji f’riskju ta’ faqar qiegħed dejjem jikber. Minħabba f’hekk, il-ħajjiet ta’ dawn l-individwi u l-familji tagħhom qed issir iktar diffiċli u jkunu f’riskju li jbatu minn aktar mard, esklużjoni soċjali u nuqqas tal-iktar affarijiet bażiċi. Il-President irrimarkat li tħoss għafsa ta’ qalb meta tara li skont l-istatistika ppubblikata fil-5 ta’ Jannar 2015, mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, 31% tat-tfal taħt it-tmintax-il sena qegħdin jgħixu fil-faqar jew f’riskju ta’ faqar. Dan ifisser li mat-23,000 tifel u tifla u l-familji tagħhom qegħdin jesperjenzaw il-faqar u t-tbatija kollha marbut mal-faqar. 
 
Il-President rringrazzjat lil Patri Dijonisju Mintoff li ddedika ħajtu b’ħidma favur il-fqar u l-vulnerabbli tas-soċjetà. 
 
Il-Premju b’Ħilti Wasalt qed jilqa’ n-nominazzjonijiet għal dan il-premju li se jkun taħt il-Patroċinju tal-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca. In-nominazzjonijiet qed jintlaqgħu fl-indirizz – ‘Kumitat Premju b’Ħilti Wasalt’, Laboratorju tal-Paċi, Ħal Far. Il-Persident se tkun qed tippresiedi ċ-ċerimonja fil-Palazz il-Belt Valletta, f’Mejju li ġej.
 

Min irid iktar informazzjoni jista’ jibgħat email fuq: [email protected]