L-Uffiċċju tal-President organizza serata mużikoletterarja f’ġieħ Lino Spiteri taħt il-Patroċinju tal-President Marie-Louise Coleiro Preca.
Il-programm tas-serata kien imżewwaq b’poeżiji u b’kitbiet li nqraw minn Matilde Balzan, Victor Fenech u Karmen Azzopardi, u b’kanzunetti kantati mill-kantanti stabbiliti Maltin Catherine Vigar, Bayzo, Renato u Mary Rose Mallia.
“Qatt ma nistgħu nagħtu biżżejjed ġieħ lill-kobor tal-intellett u lill-kobor tal-pinna ta’ Lino Spiteri”, qalet il-President filwaqt li tkellmet kif il-kitbiet tiegħu jibqgħu relevanti għal-lum u għall-futur.
Lino Spiteri twieled f’Ħal Qormi nhar il-21 ta’ Settembru, 1938. Studja fil-Liċeo ta’ Malta u fl-Università ta’ Oxford u gradwa fil-politika u fl-ekonomija. Kien editur ta’ Malta News (1967-68) u kien il-korrispondent lokali għal The Guardian u għal The Observer. Kiteb madwar 110 novella.
Wara s-serata l-familja Spiteri ppreżentat għadd ta’ kotba mill-pinna ta’ Lino Spiteri lill-President Marie-Louise Coleiro Preca biex jiżdiedu mal-kollezzjoni tal-Melitensia fil-Librerija Anton Buttigieg fil-Palazz ta’ Sant’ Anton.