Il-President ta’ Malta tieħu seħem f’mixja favur il-ħajja organiżżata mill-Moviment Malti dwar it-Tarbija li se titwieled.

 
 Dalgħodu, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca laqgħet lil delegazzjoni tal-Moviment Malti dwar it-Tarbija li se Titwieled għal żjara ta’ korteżija fil-Palazz Presidenzjali tal-Belt Valletta, fl-okkażjoni tad-disa’ ċelebrazzjoni ta’ Jum il-Ħajja.

 F’diskors li għamlet għall-okkażjoni, il-President faħħret lill-moviment għax-xogħol proattiv li ilu jagħmel minn mindu ġie mwaqqaf. Il-President qalet li, filwaqt li l-ommijiet għandhom responsabbiltà diretta biex ma jagħmlu xejn li jista’ jkun ta’ periklu għalihom u għat-trabi tagħhom,  l-assigurazzjoni ta’ ambjent aħjar għat-trabi u t-tfal tagħna hija r-responsabbiltà tas-soċjetà Maltija kollha.  Dan għaliex is-soċjetà kollha trid tara li l-ambjent ta’ madwarna ikun wieħed ħieles minn dawk il-fatturi kollha li jeffettwaw l-ambjent li ngħixu fih.  Hija rreferiet bħala eżempji għall-emissjonijiet mit-traffiku, kimiċi tossiċi  fuq il-postijiet tax-xogħol, fid-djar u anke f’ċerti tipi ta’ ħwienet.

Il-President faħħret lill-Moviment li qiegħed jiltaqa’ ma’ min iħaddem u mat-trade unions, biex ikun jista’ jiżdied l-għarfien dwar kimiċi li huma ta’ periklu għas-saħħa tat-tarbija fil-ġuf, għas-saħħa tal-ommijiet u għas-saħħa ta’ kulħadd.

 Il-President tkellmet ukoll dwar l-effetti tal-istress fuq is-soċjetà inġenerali, li jaffettwa wkoll lit-tarbija fil-ġuf, fiżikament u mentalment. Hija tenniet li din hija problema vasta fis-soċjetà tagħna u li hija riżultat tal-ħajja mgħaġġla li ngħixu anke waqt it-tqala. Kien hawn fejn il-President għamlet appell biex jiġi difiż id-dritt li nibqgħu f’kuntatt mal-ambjent naturali li jsostnina. Hija qalet li filwaqt li trid tingħata attenzjoni għall-użu tal-pestiċidi, irridu nassiguraw li f’pajjiżna jkollna biżżejjed spazji fejn il-familji tagħna jistgħu jirrilassaw, fejn l-ommijiet tat-tfal li għadhom mhux imwielda jista’ jkollhom iċ-ċans li jieħdu nifsijiet tajbin, fejn it-tfal tagħna jkunu jistgħu jiġru f’ambjent li jista’ jagħtihom is-saħħa fiżika u s-saħħa mentali.

Fl-aħħar nett, il-President qalet li tħares ’il quddiem biex il-Moviment jaħdem u jikkollabora flimkien mal-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà, biex flimkien ikunu vuċi qawwija għat-trabi mhux imwielda u għat-tfal.

Wara ż-żjara ta’ kortezija, il-President, flimkien mas-Sur Preca ħadu sehem fil-mixja simbolika favur il-ħajja mill-Palazz sal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann akkumpanjati mill-gruppi tal-iscouts u l-girl guides tax-Xgħajra, Ħad-Dingli, Birżebbuġa u l-Kulleġġ Santu Wistin, fejn imbagħad attendew għal quddiesa konċelebrata mill-Amministratur Appostoliku Mons. Isqof Charles J. Scicluna.​