Żjara lill-Methode Electronics

Illum wara nofsinhar, il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca żaret il-kumpanija Methode Electronics Inc.

Mal-wasla tagħha, il-President ta’ Malta kienet milqugħa mill-bord maniġerjali mmexxi mill-Viċi President tal-Fergħa Ewropea tal-Methode Electronics Inc., Dr Joseph Elias Khoury. F’diskors lil dawk preżenti, il-President qalet li hija kburija b’din il-kumpanija u saħqet li Methode Electronics hija waħda mill-kumpaniji prominenti li għandna f’pajjiżna li mhux biss tikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna iżda wkoll tħaddan filosofija ta’ Responsabbiltà Soċjali Korporattiva fejn permezz tal-Methodians’ Help Fund, il-kumpanija tagħti l-ispazju meħtieġ biex il-ħaddiema tagħha jaħdmu fil-volontarjat ma’ dawk fil-bżonn.

Il-President ta’ Malta qalet li s-suċċess tal-Methode Electronics jiġi bis-saħħa tal-ħaddiema, it-tekniċi, l-inġiniera u l-għarfien tekniku tagħhom. Filwaqt li rringrazzjathom għall-kontribut li huma jagħtu lill-Malta Community Chest Fund, il-President ta’ Malta faħħret lill-amministrazzjoni tal-kumpanija għall-mod kif jaħdmu bi stil li permezz tiegħu jimmotivaw lill-ħaddiema tagħhom.

Tkellem ukoll il-Viċi President tal-Fergħa Ewropea tal-Methode Electronics, Dr. Joseph Elias Khoury, fejn f’messaġġ qasir qal li wieħed mill-iżjed fatturi tajbin li għandha l-kumpanija f’Malta hija n-nies Maltin li huma ddedikati, edukati u jħobbu xogħolhom. Fi kliem Dr. Khoury, il-kumpanija Methode Electronics tapprezza ferm ix-xogħol tal-ħaddiema tagħha li grazzi għalihom, sena wara oħra, il-kumpanija tibqa miexja ’l quddiem u tibqa’ tilħaq il-miri tagħha.

Waqt din iż-żjara l-President ta’ Malta giet imdawwra mal-fabbrika u l-uffiċini, u tkellmet ma’ għadd kbir ta’ ħaddiema, fejn irringrazzjathom tax-xogħol tagħhom.