Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca tvara ‘El Camino 2015’, mixjiet minn grupp ta’ Maltin minn Spanja, Franza u l-Portugal b’risq il-Malta Community Chest Fund

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca varat ‘El Camino 2015,’ mixjiet organizzati mill-grupp ‘Camini Amo’ u minn Experience Adventures & more, bl-iskop li permezz ta’ tliet mixjiet fi Spanja, Franza u fil-Portugall, dawk li jieħdu sehem jiġbru donazzjonijiet għall-Malta Community Chest Fund.
 
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qalet li tħossha tant kburija kif f’pajjiżna hawn tant nies ta’ rieda tajba li jiġu b’tant ideat biex jagħmlu l-ġid.  Spjegat li l-attività ‘El Camino’ hija tant pożittiva, spiritwali u ta’ min ifaħħar l-inizjattiva ta’ grupp ta’ persuni li jiġu flimkien biex jimxu u fl-istess ħin jiġbru fondi għall-Malta Community Chest Fund. Il-President qalet li din il-mixja għandha tifsira qawwija, għall-fatt li l-parteċipanti jagħmlu sagrifiċċju fiżiku qawwi, u jiġbru l-fondi. Qalet li l-Uffiċċju tal-President qed jagħti appoġġ għal din l-attività għaliex minnha joħroġ messaġġ tant sabiħ li wieħed jistinka biex jiġbor il-flus. 
 
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet tkellem l-ambaxxatur Spanjol f’Malta Josè Maria Pons Irazazábal li faħħar l-inizjattiva ta’ ‘El Camino’ u qal li jinsab ċert li l-grupp se jirnexxielu jiġbor fondi għall-Malta Community Chest Fund.
 
Mario Xuereb, il-koordinatur ta’ ‘El Camino’, spjega li l-attività se tkun magħmula minn tliet mixjiet li kollha se jintemmu f’Santiago de Compostela fi Spanja fit-28 ta’ Mejju li ġej. Grupp ta’ Maltin se jitilqu fl-24 ta’ April li ġej minn St Jean Pied de Port fi Franza, u jimxu 800 kilometru, u żewg gruppi oħra se jitilqu jew minn Sarria fi Spanja jew minn Tui fil-Portugall. Dawn tal-aħħar se jimxu 115 kilometru u se jitilqu fit-23 ta’ Mejju. Qabel ma jitilgħu, min jieħu sehem irid jiġbor ammont ta’ flus stipulat skont il-vjaġġ li jkunu għażlu li jagħmlu.
 
Għal iktar informazzjoni fuq l-attività ‘El Camino’, wieħed jista’ jċempel fuq 7928 6166/9985 5236 jew email [email protected]