Il-President qalet li għal darba oħra f’dawn is-sessjonijiet ħarġu ċar il-preġudizzji li kawża tagħhom it-tfal jgħaddu minn esperjenza ta’ tbatija, anki minħabba bullying. Il-President qalet li hemm bżonn li din l-issue tingħata iktar attenzjoni immedjata biex it-tfal jingħataw l-għajnuna li jkun hemm bżonn. Spjegat li kawża ta’ diffikultajiet, ikun hemm tfal li jkunu huma l-bullies u li dawn ukoll ikollhom bżonn l-għajnuna u l-attenzjoni. Il-President spjegat kif il-preġudizzji jxekklu l-progress u l-ħajja fit-tfal, u għalhekk ixekklu l-ħajja tas-soċjetà.
Il-President qalet li f’dawn is-sessjonijiet ħarġu diffikultajiet varji li qed jesperjenzaw l-istudenti, u minnufih dan ġie ikkomunikat mal-kapijiet tal-iskejjel biex il-bżonnijiet tal-istudenti jiġu indirizzati. Aktar minn hekk il-President spjegat li se tagħmel kuntatti fi kwartieri oħrajn, biex id-diffikultajiet imressqin minn dawn l-istudenti jiġu indirizzati b’mod sħiħ u immedjat.
Iż-żjarat tal-President ta’ Malta se jissuktaw kull xahar sa Mejju li ġej, fejn b’kollox minn Novembru sa Mejju, il-President se tkun żaret madwar għoxrin skola f’Malta u anki f’Għawdex. Dan l-impenn tal-President se jissokta wkoll fis-sena skolastika ta’ wara, hekk kif il-mira hi li l-President tkun żaret l-iskejjel kollha f’Malta u anki f’Għawdex.
F’kull skola il-President qed tqassam bookmark bil-kliem tal-Innu Malti, bil-għan li t-tfal jitħeġġu jitgħallmu l-Innu Nazzjonali.