Ċ-Ċerimonja tal-Fjamma tal-Paċi fil-Ġnien ta’ San Anton

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca dalgħodu ppresediet iċ-ċerimonja simbolika tal-fjamma tal-paċi- fjamma li bdiet mill-Knisja tan-Natività f’Betlem u li tissimbolizza l-paċi, l-imħabba u t-tjieba. 

Waqt din iċ-ċerimonja, organizzata mill-Uffiċċju tal-President flimkien mal-Baden Powell Scouts u l-Laboratorju tal-Paċi, il-President saħqet fuq il-bżonn li naħdmu favur il-paċi u l-imħabba.  Spjegat li l-paċi ma tistax tittieħed foregranted, u li n-nuqqas ta’ paċi anki f’pajjiżna jiġi mill-preġudizzji kontra persuni li jidhru differenti. Il-President spjegat l-esperjenzi li kellha fl-iskejjel ftit tal-ġimgħat ilu, bi tfal bi preġudizzji kontra tfal oħra, jew minħabba li għandhom nuċċali, forsi piż żejjed, jew kulur ta’ ġilda differenti. Il-President spjegat li l-paċi rridu naħdmu għaliha billi nħobbu lil xulxin, għaliex meta wieħed iħobb, iħobb bla kundizzjoni u jħobb lil kulħadd għaliex kull persuna hi sabiħa.

Il-President ta’ Malta qalet li filwaqt li l-fjamma tal-paċi ta’ Betlem, qiegħda hemm biex tagħti d-dawl biex tiftaħ l-imħuħ, tixtieq li din il-fjamma tfakkar fir-responsabbiltà biex inkunu fejn inkunu naħdmu favur il-paċi billi nħobbu lil xulxin kif aħna bla kundizzjoni. 

Saħqet li l-imħabba tittieħed, għaliex jekk wieħed iħobb,  l-imħabba se tibda tinxtered u allura l-importanza li l-imħabba tibda minna nfusna. 

Il-President sostniet li l-paċi hija responsabbiltà ta’ kull wieħed u waħda minna u għalhekk li din iċ-ċerimonja tal-fjamma tal-paċi, hija ċkejkna, imma li għandha sinifikat qawwi.  

Waqt din iċ-ċerimonja tkellem ukoll iċ-Chairman tal-Laboratorju tal-Paċi is-Sur Emmanuel Scicluna li saħaq li ċ-ċerimonja tal-fjamma tal-paċi sservi biex iddawwal lill-mexxejja tad-dinja biex jinsew il-gwerer u jfittxu t-triq tal-paċi. 

Il-fjamma tal-Paċi tixgħel fil-Knisja tan-Natività f’Betlem, fil-post li huwa meqjus fejn twieled Ġesu’ Kristu.  Din il-fjamma ilha miżmuma mixgħula għal sekli sħaħ.  Nazzjonijiet Kristjani minn madwar id-dinja jieħdu ħsieb jagħmlu donazzjonijiet ta’ żejt biex jiġi żgurat li dan id-dawl tal-paċi ma jintefa’ qatt.  

Din is-sena, il-Baden Powell Scouts Malta imbarkaw fuq il-proġett mal-Grupp Scout FSE Scout Nautico Trapani 1, li vvjaġġa minn Trapani lejn Pozzallo u lejn il-port il-kbir tal-Belt Valletta biex il-fjamma tal-paċi tasal f’Malta minn Betlem. Nhar il-Ħadd, it-tliet Slaten Maġi li din is-sena ivvjaġġaw mill-Ġermanja se jwasslu l-Fjamma tal-Paċi mill-Manikata lejn il-Mellieħa, u mbagħad lejn il-Presepju ħaj f’Għajnsielem Għawdex.