Messaġġ mill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, għall-Milied u s-Sena l-ġdida

​Ħuti Maltin u Għawdxin, hu ta’ pjacir għalija li, għall-ewwel darba mindu inħtart mill-Parlament Malti fil-kariga ta’ President ta’ Malta, qed inwasslilkom il-messaġġ tradizzjonali ta’ żmien il-Milied u l-Ewwel tas-Sena.
 
Ninsabu fuq l-għatba ta’ sena ġdida. Żmien li nħarsu lura lejn il-wegħdiet li għamilna lilna nfusna u nqabblu ma’ dak li wettaqna.  Żmien li nirriflettu fuq ir-rebħiet u t-telfiet, il-ferħ u d-diżappunti, it-tlugħ u l-inżul tal-ħajja kif għexniha f’dawn l-aħħar xhur. Żmien li nirriflettu għax irridu li l-futur tagħna jkun aħjar mill-passat tagħna, u li t-tama tagħna tissarraf f’azzjoni. Irridu nagħmlu dan kollu fil-limiti tal-umanità tagħna, b’sens ta’ umiltà, b’sens ta’ onestà, b’sens ta’ rispett, b’kuraġġ u mingħajr biżà. 
 
Din is-sena l-Ewropa partikolarment fakkret il-mitt anniversarju mill-bidu tal-Gwerra l-Kbira. Dik il-gwerra li kellha ttemm il-gwerer. Intilfu miljuni kbar ta’ ħajjiet, li ġew issagrifikati fuq l-artal tal-ambizzjoni tal-ftit.    
 
Mitt sena wara din il-gwerra qerrieda, u 25 sena mill-waqa’ tal-ħajt ta’ Berlin, anniversarju ieħor li fakkarna din is-sena, għad hawn min jaħseb u jinsisti li l-gwerer u l-ħitan huma għażliet vijabbli.  Fl-2014, minkejja t-tagħrif u l-għerf miġmugħ mill-ġrajjiet qattiela tal-aħħar mitt sena, il-bniedem kompla jattakka l-ħajja, iġarraf is-simboli kulturali u l-memorji kollettivi ta’ komunitajiet imxennqa għad-dritt tal-paċi.  
 
Rajna tul din is-sena, mill-Gaża għas-Sirja; mill-Iraq għall-Afganistan; mill-Pakistan għal-Libja, mill-Ukrajina għan-Niġerja, xeni tal-waħx, għadajjar tad-demm, biċċeriji umani li jwerwru u jnikktu lil kull min għandu għal qalbu l-ħajja u d-dinjità umana. 
 
Quddiem dawn ir-realtajiet tal-lum, il-protokoll tas-silenzju huwa immorali. Għaldaqstant, nikkundanna mingħajr ebda riservi t-tattiċi politiċi, nikkundanna, kull attakk fuq il-ħajja u d-dinjità tal-bniedem, nikkundanna l-vjolenza fid-djar, il-vjolenza permezz tad-dinja virtwali, il-vjolenza fit-toroq ta’ komunitajiet u popli sħaħ.
 
Maħsuda bix-xeni riċenti ta’ massakru ta’ tfal f’istituzzjoni edukattiva fil-Pakistan, imnikkta bil-ħtif ta’ żgħażagħ fil-Messiku u tal-bniet fin-Niġerja, nappella biex l-2015 tkun is-sena fejn bħala poplu li jgħożż is-sliem, jinħtieġ li nkomplu nirrakkuntaw lil uliedna, lit-tfal u liż-żgħażagħ tagħna, l-istejjer ta’ fejn il-bniedem falla meta poġġa l-vjolenza qabel il-ħniena u r-raġuni.
 
Għalhekk inħeġġiġkom biex fis-sena li se tibda, ilkoll kif tistgħu, tkomplu taħdmu biex il-politika bla etika u l-militariżmu qerriedi u vjolenza oħra, jitrażżnu. Il-vjolenza ma tagħmilx distinzjoni bejn klassi soċjali, kulur tal-ġilda, sess, sesswalità, età, reliġjon, abbiltà u nazzjon. Ma’ ħajjet il-bniedem ma nistgħux inqabblu fejn jaqbel. Għalhekk dak li ma rridux li jiġri lilna ma nistgħux inkunu indifferenti għax jiġri lil ħaddieħor.
 
Ħuti Maltin u Għawdxin, ejjew naħdmu biex nagħmlu minn Malta, mudell ta’ għaqda u paċi. Ejjew nagħmlu minn Malta, Belt Kapital fil-Mediterran għall-Paċi.
 
Sadanittant, fl-2014, il-ħelu u l-morr tal-ħajja, kif mgħijxa lokalment, baqgħu magħna. Mil-lat pożittiv, f’dawn l-aħħar tnax-il xahar, innutajt b’sodisfazzjon li ż-żewġ naħat tal-Kamra tar-Rappreżentanti ħadmu għalenija, bi ftit għarfien mill-media, fuq diversi liġijiet li tejbu l-ħajja ta’ kategoriji u saffi differenti tal-poplu Malti u Għawdxi. 
 
Bi pjaċir innutajt soċjetà ċivili dinamika, kritika u attiva f’diversi inħawi tal-pajsaġġ dejjem jinbidel tas-soċjetà Maltija. Pajjiżna esperjenza aktar tisħiħ fil-kamp tad-drittijiet ċivili, l-ekonomija kompliet tkattar il-ġid, u l-firxa ta’ servizzi soċjali, skemi, traħħis u għajnuniet finanzjarji ħaffew it-toqol tal-ħajja ta’ eluf ta’ ċittadini Maltin, uħud minnhom fir-riskju, jekk mhux taħt il-linja tal-faqar.  Xogħol tajjeb li fl-2015 jinħtieġ li jkompli jissaħħaħ.
 
L-erba’ anniversarji li pajjiżna ċċelebra tul l-2014, servew biex ilkoll nirriflettu dwar il-ġrajjiet li sawruna; riflessjoni li nittama li għenitna nagħrfu l-fatt li m’hemmx preżent mingħajr passat, li l-mixja storika hija wirt kollettiv, li l-istudju korrett tal-passat huwa indispensabbli għall-maturazzjoni ta’ poplu f’kuntest demokratiku, u li kull aspett tal-passat jeħtieġ jkun analizzat b’mod matur u kumpless. 
 
L-2015 trid tkun is-sena tat-tkomplija ta’ din l-analiżi u ta’ aktar tagħlim tal-istorja.   
 
L-2014 ma kinitx nieqsa mill-morr. Numru ta’ istituzzjonijiet f’pajjiżna għadhom iridu jirbħu il-fiduċja sħiħa tal-poplu. Ejjew nagħmlu s-sena 2015 is-sena tal-irkupru tal-prestiġju tal-istituzzjonijiet.  Mingħajr dan l-irkupru, l-istituzzjonijiet ma jistgħux igawdu l-fiduċja tal-poplu. L-azzjoni f’dan il-kamp għandha tkun immedjata. Hawnhekk, ir-responsabbiltà hija kollettiva – tal-ħaddiema, ċivili u bl-uniformi, daqskemm hi tas-superjuri tagħhom u tal-politiċi.  
 
B’sodisfazzjon ninnota l-pubblikazzjoni riċenti tal-politika strateġika nazzjonali kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali. Irridu niżguraw li l-2015 tkun is-sena fejn din il-ġlieda tissokta b’mod urġenti, u b’mod interdixxiplinarju u interministerjali. L-aqwa mod kif nistgħu nindirizzaw il-faqar huwa bix-xogħol soċjali fil-komunità, viċin it-tbatijiet u l-gwaj tan-nies. B’hekk biss, l-ewwel nistgħu naraw b’għajnejna li n-nies ma jagħżlux li jgħixu l-faqar jew l-esklużjoni soċjali u, it-tieni, li l-komunità, meta apprezzata u mwieżna b’imħabba, b’impenn u b’kompetenza, għandha r-riżorsi biex toħroġ mit-tiġrib tagħha. 
 
Dawk li huma nieqsa mill-affarijiet bażiċi tal-ħajja, u nuqqasijiet oħra, mhumiex kategorija waħda.  Uħud minnhom qed ibatu minħabba raġunijiet ta’ saħħa fiżika jew mentali, jew minħabba ċirkustanzi oħra drammatiċi, u għaldaqstant ma jistgħux jaħdmu. Għalhekk, nappella biex noqogħdu attenti meta norbtu inizjattivi ġodda ta’ għajnuna soċjali max-xogħol biss. Din il-formola mhux dejjem taħdem u tista’ tfaqqar aktar milli tillibera.  
 
Fil-qasam edukattiv, fl-2015 irridu nagħtu lil uliedna sistema edukattiva aktar rilevanti, li  tindirizza l-bżonnijiet taċ-ċittadinanza demokratika daqskemm  taqdi l-esiġenzi tal-ekonomija.
Jiena li ġejja minn familja ta’ għalliema nifhem sew it-tiġrib tal-edukaturi. Għalhekk, minn qalbi nsellem lill-għalliema u l-mexxejja edukattivi, nirringrazzjakom tax-xogħol li qegħdin tagħmlu b’risq uliedna u nitlobkom tkomplu tgħallmuh b’impenn, b’imħabba u b’sens qawwi ta’ ġustizzja soċjali. Nirringrazzja lill-awtoritajiet edukattivi, nitlobkom biex tkomplu timpenjaw ruħkom ħalli titjieb l-esperjenza edukattiva, bit-tama li l-edukazzjoni tkompli tikkontribwixxi għall-mobilità soċjali u l-iżvilupp ekonomiku. 
 
Sadanittant, l-ambjent huwa l-pulmun ta’ pajjiżna.  Fl-2015, irridu nkomplu nipperswadu lil xulxin li meta nfaqqru l-ambjent inkunu qed inmarrdu lill-poplu. Jekk mhux se noqogħodu attenti, se nħallsu prezz qares ħafna għall-azzjonijiet tagħna f’dan il-qasam. Żgur li ma nistgħux inkomplu niggravaw is-sitwazzjoni. Irrid infakkar lill-awtoritajiet f’dan il-qasam li d-deċiżjonijiet dwar l-ambjent huma deċiżjonijiet etiċi qabel ma huma tekniċi jew legalistiċi. Kull settur li jmiss mal-ambjenti tagħna jrid jagħmel eżami tal-kuxjenza dwar imġibtu f’dan il-qasam, bit-tama li l-kelma sostenibbli ma tibqax kelma fiergħa, iżda tkun tassew il-linja gwida tal-operat ta’ pajjiżna. 
 
Sadanittant, nixtieq li nara aktar għaqda bejnietna, fi ħdan il-familji tagħna, fil-komunitajiet tagħna u f’pajjiżna. Nixtieq nara aktar diskussjoni u possibilment aktar ftehim bejn il-politiċi tagħna, fejn jidħlu oqsma li jolqtu tant mill-qrib il-ħajja tan-nies. 
 
Kif sostnejt mill-ewwel ġurnata tal-Presidenza tiegħi, huwa meta ningħaqdu, li nistgħu nifhmu wieħed lill-ieħor, li nistgħu nagħdru lil xulxin, u li nkunu ta’ spalla ghal xulxin, fil-mumenti diffiċli tal-ħajja.
 
Irridu naħdmu biex inpoġġu fuq quddiem il-virtu u l-valur tal-imħabba, ta’ aħwa Maltin u Għawdxin, biex permezz t’hekk, jibqgħu jiddominaw ir-rispett, it-tolleranza u d-dinjità.
 
L-għaqda tfisser ukoll solidarjetà ma’ min hu vulnerabbli fis-soċjetà tagħna, ħalli kullħadd ikun jista’ jgħix b’dinjità. Jekk fl-2014, għotorna f’xi oqsma, b’wiċċi minn quddiem ngħid li l-ġenerożità u s-solidarjetà tal-poplu Malti u Għawdxi baqgħu b’saħħithom. Din il-ġenerożità jien ġarrabtha mill-qrib permezz tal-attivitajiet marbutin mal-Malta Community Chest Fund.  Rajt  xmara ta’ nies li trid  tagħti ħinha, saħħitħa, għerfitha u flusha, b’risq ħutna Maltin u Għawdxin fil-bżonn.
 
Hawn nappella li tkomplu tkunu ġenerużi. F’dan iż-żmien tant sabiħ, niftakru f’dawk fostna li għaddejjin minn mard serju, dawk li qed jirċievu kura speċjalizzata, kemm hawn Malta, kif ukoll dawk li jingħataw kura barra minn Malta, u dawk li nistgħu nsalvawlhom ħajjithom. Grazzi minn qalbi f’isem dawk kollha li ser jibbenefikaw mill-ġenerożità tagħkom. 
 
Ħuti Maltin u Għawdxin filwaqt li nawguralkom Milied hieni f’għaqda sħiħa bejnietna, u Sena Ġdida mimlija saħħa, risq, paċi u hena, irrid nirringrazzjakom minn qalbi talli għallimtuni bl-esperjenzi tagħkom, tul dawn ix-xhur li ilni fil-Presidenza.    
 
Kburija tassew bikom.