Il-President Marie-Louise Coleiro Preca milqugħa minn eluf ta’ Għawdxin f’diversi lokalitajiet waqt l-Istrina f’Għawdex

​ 

Eluf ta’ Għawdxin f’diversi lokalitajiet laqgħu bi ħġarhom lill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca matul it-tieni jum tal-Istrina minn Għawdex. L-attivitajiet bdew mill-Għarb bil-President ta’ Malta tintlaqa’ minn għadd ta’ residenti li taw id-donazzjonijiet tagħhom għall-Istrina. F’kull lokalità li żaret il-President, tħejja programm ta’ divertiment, b’daqq ta’ mużika minn baned u korijiet tat-tfal ikantaw l-innijiet tal-Milied.
 
Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca rringrazzjat lill-Għawdxin għall-konkorrenza tagħhom fejn spjegat kif l-imħabba hi dik li tagħmel id-differenza u li din l-imħabba tagħmilna poplu distint. Il-President qalet li anki mill-ftit ta’ kulħadd tinħoloq id-differenza biex tingħata l-għajnuna li tant hemm bżonn għal min qed isofri u jsib ir-refuġju fl-appoġġ li tagħti l-Malta Community Chest Fund. Il-President rringrazzjat lill-Għawdxin talli għażlu li jagħmlu bħal Ġesù Bambin fiċ-ċentru tal-attivitajiet tal-Milied, fejn ir-raġuni vera tal-Milied huma l-ferħ u l-imħabba lejn xulxin.
 
Wara l-Għarb, il-President ta’ Malta żaret il-kumpless sportiv tar-Rabat fejn għall-Istrina f’Għawdex tħejja programm minn għadd kbir ta’ tfal. Preżenti għal din l-attività kien hemm il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo.
 
Segwit mbagħad iż-żjara fiż-Żebbuġ fejn dawn laqgħu lill-President ta’ Malta bil-kanzunetta ġdida tal-Istrina b’Solidarjetà 2014, ‘Int min Int’. Il-President qalet li f’Għawdex il-popolazzjoni hija żgħira iżda kbira ħafna fil-qalb. L-Istrina f’Għawdex ħadet lill-President fil-lokalità tal-Għasri, Kerċem, Il-Munxar, Il-Fontana, San Lawrenz u fl-aħħar fir-Rabat bi programm kbir fejn għadd ta’ residenti, għaqdiet u kumpaniji ġew bid-donazzjonijiet tagħhom għall-Istrina.
 
Il-President ħabbret kif matul il-jum tal-Istrina f’Malta, jiġifieri fis-26 ta’ Diċembru f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, l-Għawdxin ingħaqdu għal darb’oħra flimkien biex iħejju programm ta’ tnax-il siegħa ta’ divertiment u ġbir fil-post tal-parkeġġ biswit il-kumpless Arkadia fir-Rabat Għawdex. Dan se jkun programm ieħor fejn mill-ġdid, Għawdex se jkun flimkien ma’ Malta jissokta bil-ġbir tiegħu għall-Istrina b’Solidarjetà 2014.