Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca tibda l-Istrina b’Solidarjeta minn Għawdex

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca llum is-Sibt 20 ta’ Diċembru, bdiet bl-attività tal-Istrina minn Għawdex.  Din hija l-ewwel darba li saret l-Istrina fil-gżira Għawdxija, li se tkun qed tkompli matul il-jum ta’ għada l-Ħadd.
 
L-Istrina minn Għawdex bdiet mil-lokalità ta’ Għajnsielem fejn saret quddiesa fil-parroċċa kkonċelebrata mill-Isqof t’Għawdex Mario Grech.  Hekk kif intemmet il-quddiesa, il-President ta’ Malta u s-Sur Edgar Preca kienu milqugħa minn mijiet ta’ residenti minn Għajnsielem li tellgħu wkoll programm ta’ kant minn għadd ta’ tfal.  Kien preżenti wkoll il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo u s-sindku tal-lokalità. Il-President ingħatat donazzjoni miġbura kemm mill-Kunsill Lokali u anke mill-Parroċċa ta’ Għajnsielem.
 
Wara l-President żaret il-Qala, fejn fuq iz-zuntier tal-parroċċa kien imħejji programm b’innijiet ta’ tfal u żfin folkloristiku, u daqq mill-banda tal-lokal.  Il-President ġiet milqugħa wkoll minn mijiet ta’ residenti tal-lokalità li lkoll ġew bi ħġarhom biex jagħtu d-donazzjoni tagħhom. 
 
F’diskors li tat f’kull lokalità, il-President ta’ Malta sostniet li hi ma tħossx li għandha tagħmel appelli, għaliex temmen fil-qalb kbira tal-Għawdxin u għalhekk flok appelli, tagħżel li tgħid grazzi għaliex tinsab ċerta li l-Għawdxin se jkunu qed jifhmu l-bżonnijiet ta’ tant nies vulnerabbli li jiġu bżonn il-Malta Community Chest Fund li kull 4 ġimgħat qed jonfoq madwar 200,000 ewro f’kimoterapija speċjalizzata.
 
Wara l-Qala, il-President żaret il-lokalità tan-Nadur bi programm li tħejja fil-parroċċa tal-lokal, u wara żaret il-lokalità tax-Xagħra fejn hemmhekk jistennewha kien hemm ukoll għadd kbir ta’ residenti lkoll lesti biex jagħtu d-donazzjoni tagħhom.
 
Wara l-President żaret ix-Xewkija fejn hemmhekk kienet milqugħa bid-daqq tal-kanzunetta tal-Istrina b’Solidarjetà ‘Int Min Int’, li ġiet miktuba apposta għall-Istrina ta’ din is-sena.  F’din il-kanzunetta, orkestra komposta minn għadd ta’ żgħażagħ kantat innijiet tal-Milied u wara ngħatat donazzjoni mir-residenti ta’ din il-lokalità.  Wara x-Xewkija l-President żaret Ta’ Sannat fejn hemmhekk kienet milqugħa minn għadd ta’ residenti, u mis-sindku tal-lokal, u tħejja programm ta’ kant minn kor ta’ tfal.
 
L-Istrina se tissokta għada fil-gżira Għawdxija, bil-President ta’ Malta u s-Sur Edgar Preca jżuru l-Għarb, il-kumpless sportiv tar-Rabat Għawdex, iż-Żebbuġ, l-Għasri, Kerċem, il-Munxar, Fontana, San Lawrenz u Victoria.