Il-President ta’Malta żżur attivitajiet organiżżata b’risq Solidarjeta bl-Isports

Dalgħodu l-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca żaret żewġ attivitajiet li qegħdin jittellgħu taħt il-kappa ta’ ‘Sports b’Solidarjetà’ – inizjattiva li fiha, għaqdiet minn dixxiplini varji ta’ sport ġabru fondi għall-‘Istrina b’Solidarjetà 2014’.

L-ewwel waqfa tal-President kienet propju fil-Padilljun tal-basketball ġewwa Ta’ Qali fejn hemmhekk l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Basketball organizzat maratona tal-mini basketball mid-disgħa ta’ filgħodu sad-disgħa tal-lejla. Marie-Louise Coleiro Preca ltaqgħet ma’ dawk preżenti li kienu jinkludu grupp ta’ parteċipanti li bdew jilagħbu il-wheelchair basketball. Waqt din iż-żjara l-President ġiet ukoll ippreżentata donazzjoni mingħand wieħed mill-isponsors ewlenin.

Ftit wara l-President żaret il-EuroSport Istrina Nursery Fun Event fil-kumpless sportiv tal-kulleġġ ta’ San Alwiġi. Din kienet attività organizzata mill-kumpanija Eurosport, li fiha taw sehmhom in-nurseries ewlenin ta’ Malta. Hawnhekk il-President iltaqgħet mat-tfal preżenti u qassmet ukoll ċertifikati ta’ parteċipazzjoni lil dawk kollha li ħadu sehem.

F’diskorsi li għamlet f’dawn iż-żewġ żjarat, il-President irringrazzjat lill-organizzaturi tal- inizjattiva. Irringrazzjat ukoll lit-tfal li ħadu sehem u li għażlu li jqattgħu din il-ġurnata biex jgħinu lil ħaddieħor permezz tal-isport favorit tagħhom. Il-President raddet ħajr ukoll lill-ġenituri u rringrazzjathom talli jkunu ta’ appoġġ għat-tfal tagħhom.

 Il-President fakkret ir-raġuni għala jsiru dawn l-attivitajiet u fakkret ukoll fl-importanza tal-valur ta’ solidarjetà meta ngħinu lil dawk li jkunu fil-bżonn. Hija qalet lit-tfal preżenti, li filwaqt li ġew biex primarjament jieħdu gost, huma ġew ukoll biex jgħinu lil tfal bħalhom li ma jistgħux ikunu ferħanin minħabba li jinsabu għaddejjin minn perjodu ta’ mard jew gwaj ieħor.  Fakkret iżda li dejjem hemm it-tama li dawn it-tfal ikunu jistgħu xi darba jfiequ u jkunu jistgħu jerġgħu jgawdu l-ħajja, u li għalhekk li permezz tal-Malta Community Chest Fund qed isir tant sforz mill-Presidenza biex il-fond jiżdied u jissaħħaħ.

 Aktar kmieni filgħodu, l-President żaret ukoll attività organizzata mill-Għaqda Regatta Nazzjonali, bl-isem ta’ ‘Qadfa mill-Qalb’ b’risq il-Malta Community Chest Fund fejn kien hemm esibiti id-dgħajjes tar-regatti li s-soltu jieħdu sehem fir-regatti nazzjonali.