Il-President ta’ Malta tospita ċ-Ċerimonja tal-Premju Nazzjonali tal-Volontiera 2014, b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Maltu tas-Settur Volontarju

 
Il-President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca, nhar it-Tlieta 9 ta’ Diċembru 2014, ospitat iċ-ċerimonja tal-Premju Nazzjonali tal-Voluntiera. Din iċ-ċerimonja ttellgħet għall-ewwel darba b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju.
 
Din is-sena ġew mogħtija erba’ premji differenti. L-ewwel premju, il-‘Premju lill-Organizzazzjoni Volontarja tas-Sena 2014’, ingħata lill-Hospice Malta. Wara, kien imiss li jingħata l-‘Premju lill-Kumpaniji li jsostnu l-Għaqdiet Volontarju għas-Sena 2014’; premju li ngħata lil HSBC Bank Malta plc.
 
Il-‘Premju Voluntier Żgħażugħ għas-Sena 2014’ intrebaħ minn ġuvni ta’ dsatax-il sena, Gabriel Hammett għax-xogħol volontarju li jagħmel bħala parti mis-St. John Ambulance. Fl-aħħar kien imiss li jingħata il-‘Premju Nazzjonali tal-Volontarjat għas-Sena 2014’, li ngħata lis-Sinjura Ġemma Sirol. (Aktar dettalji dwar l-individwi u l-organizzazzjonijiet li ngħataw il-premji jinsabu annessi ma’ din l-istqarrija).
 
Iċ-Chairperson tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, is-Sur Nathan Farruġia stqarr li b’okkażjoni bħalma hi ċ-ċerimonja tal-‘Premji Nazzjonali tal-Voluntier’, qiegħed jitwassal messaġġ ċar li l-voluntiera kollha jixirqilhom l-aqwa rispett u unur għax-xogħol siewi li jagħmlu fis-soċjetà. Kompla biex jgħid li, l-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat jinsab kommess biex jibqa’ jaħdem sabiex dan is-settur u anke l-vuċi tal-voluntiera jkomplu jissaħħu. Hija l-intenzjoni tal-istess Kunsill li tittejjeb il-kollaborazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet u li jiżdied il-valur soċjo-ekonomiku tagħhom.

F’diskors tal-okkażjoni, l-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca rringrazzjat lill-voluntiera kollha ta’ Malta u Għawdex għall-ġid kollu li jagħmlu. Hija tenniet li m’hemmx kliem biżżejjed biex tkun tista’ turi l-apprezzament tagħha għax-xogħol li l-voluntiera jagħmlu minn qalbhom u b’tant sagrifiċċju. Il-President raddet ukoll ħajr lil dawk li xogħolhom ma jidhirx imma huwa ugwalment essenzjali, filwaqt li kellha kliem ta’ ringrazzjament għall-familji tal-voluntiera tal-appoġġ li jagħtu.

Il-President qalet ukoll li kull meta ltaqgħet ma’ persuni fil-volontarjat, tul l-esperjenza tagħha fis-settur soċjali, dejjem kienu jgħidulha li s-sagrifiċċju li jagħmlu biex joffru l-ħin liberu tagħhom kienu jqisuh bħala esperjenza li tkun ta’ benefiċċju għalihom. Hija fissret li din hija xhieda ta’ xi jfisser meta soċjetà tkun mogħnija bir-rikkezzi tal-volotarjat- b’nies kommessi li jagħmlu d-differenza fil-ħajja ta’ ħaddieħor. Hija żiedet li dan il-valur kbir ratu wkoll f’ħafna żgħażagħ Maltin u Għawdxin u li dan il-kontribut għandu jiġi rikonoxxut mis-soċjetà tagħna.

Il-President spjegat kif ġie deċiż li din is-sena ngħataw tliet premji ġodda. Dan sar sabiex jirrifletti l-fergħa wiesgħa u diversa ta’ tant nies li ġejjin minn oqsma u minn livelli soċjali differenti li mhux biss qed jikkontribwixxu għas-settur fuq bażi individwali, iżda għarfu l-bżonn li jorganiżżaw irwieħhom f’entitajiet.

Hawnhekk sellmet lil Gabriel Hammett u fl-istess ħin ħeġġet lil żgħażagħ oħra biex jitħajjru jaħdmu fil-qasam tal-volontarjat, sabiex dan is-settur ikun jista’ jiġġedded b’ideat friski u b’enerġija ġdida. Il-President qalet li ż-żgħażagħ fil-volontarjat qegħdin isaħħu l-valur soċjali tal-imħabba u s-solidarjetà. Hi stqarret li l-flus mhumiex l-unika ħaġa li hemm bżonn biex tgħix fil-ġid, iżda qalet li dan l-ġid jinkiseb ukoll meta kulħadd ikun qiegħed jaħdem id f’id.

Kompliet biex tirringrazzja lil dawk il-kumpaniji li ġejjin mis-settur privat u li qegħdin jagħtu l-appoġġ tagħhom u jgħinu lill-għaqdiet volontarji permezz ta’ għajnuniet finanzjarji u b’riżorsi umani. Hija qalet li b’hekk dawn il-kumpaniji qegħdin juru responsabbiltà soċjali mill-aqwa, peress li jkunu qed jagħtu lura lis-soċjetà ftit mill-ġid li jiggwadanjaw mill-istess soċjetà.

Il-President qalet li minħabba din l-istess responsabbiltà soċjali, il-Presidenza qiegħda taħdem maċ-Chamber of Commerce, General Retailers and Traders Union,il- Malta Employers Association, il-Malta Hotels and Restaurant Association u l-Malta Business Bureau, biex jinħoloq mod kif jintwera apprezzament, min-naħa tal-Presidenza, lil dawn il-kumpaniji.

Filwaqt li rrikonoxxiet l-aħħar statistika nazzjonali (tas-sena 2013) li fiha kien irriżulta li 30 fil-mija tal-popolazzjoni Maltija hija involuta f’xi tip ta’ volontarjat f’xi waħda mill-1050 organizzazzjoni reġistrata, Marie Louise Coleiro Preca, ħeġġet lil dawk l-organizzazzjonijiet li mhumiex reġistrati mal-Kunsill biex jiġu konformi mal-liġi tal-volontarjat u jirregolaw ruħhom.

Il-President ta’ Malta rringrazzjat ukoll lill-iskultur Damian Darmanin, student Malti li qiegħed jistudja fl-Akkademja tad-Disinn ġewwa Firenze, u li kien hu l-moħħ wara t-trofej li ngħataw waqt iċ-ċerimonja.

 Il-President ta’ Malta, kkonkludiet billi qalet li l-Presidenza tħares ‘il quddiem biex l-appoġġ u l-għajnuna lis-settur tal-volontarjat, ikomplu jissaħħu, filwaqt li qalet li għaddejjin taħdidiet flimkien mal-Kunsill Nazzjonali għas-Settur Volontarju biex jinbtu inizjattivi ġodda biex aktar Maltin u Għawdxin jaslu biex joffru ħinhom għall-ġid tas-soċjetà. Hija qalet ukoll li għaliha l-volontarjat huwa t-tielet settur tal-ekonomija. Dan għaliex il-kontribut jingħata f’diversi oqsma fosthom dawk soċjali, kulturali u tas-saħħa, fejn il-volontarjat jipprovdi servizzi li, li kieku kellhom jiġu pprovduti mis-settur privat jew pubbliku, jinvolvu spejjeż kbar. Saħqet li huwa ta’ importanza li dan l-għarfien għandu jsir iktar viżibbli biex kemm l-Istat kif ukoll il-Poplu jagħraf l-importanza u l-kontribut tal-volontarjat fost il-Maltin u l-Għawdxin.

 Għal din iċ-ċerimonja, l-President ta’ Malta kienet akkumpanjata mir-raġel tagħha Edgar Preca.

 

 Informazzjoni Addizzjonali: Bijografiji Qosra tar-rebbieħa

 Is-Sinjura Ġemma Sirol:

Gemma ilha tagħmel xogħol volontarju mill-età ta’ ħdax-il sena. Ilha membru attiv mill-1967 fejn bħalissa topera l-irwol ta’ Kumissarju tas-St John Ambulance. L-irwol li hi twettaq irriżulta biex tkun voluntiera full time, peress li hi tuża ħafna mill-ħin tagħha għal dan ix-xogħol b’affarijiet bħal reklutaġġ u l-promozzjoni tal-Ewwel Għajnuna. Ġemma dejjem tfittex għall-opportunitajiet li jippromwovu l-volontarjat u bħala persuna li ħadmet u waslet fejn hi llum, hija kapaċi tifhem u tittratta l-voluntiera tal-Għaqda biex tiżgura iż-żamma tal-voluntiera. Matul is-snin, Ġemma serviet  fuq diversi kumitati differenti kemm fil-komunità lokali tagħha u wkoll fuq Bordijiet tal-Gvern, dejjem bħala voluntiera.

 Hospice Malta:

Hospice Malta tipprovdi servizzi ta’ kura palljattiva għall-pazjenti li jsofru minn kanċer, Motor Neuron, problemi respiratorji, qalb u mard tal-kliewi. Permezz ta’ titjib kontinwu u l-investimenti fir-riżorsi tagħha, Hospice Malta taspira li tkompli tipprovdi l-kwalità tal-kura tal-ħajja u l-appoġġ. Il-Voluntiera fil-Hospice Malta huma parti integrali mill-Organizzazzjoni li ma tistax taħdem mingħajr l-għajnuna ta’ aktar minn 200 voluntiera li huma involuti fis-setturi kollha tal -Organizzazzjoni. Dan jinkludi l-Kunsill tal-Ġestjoni ( li huma voluntiera kollha), id-dar u l-appoġġ fl- isptar, it-terapija ta’ kuljum u idroterapija, xogħol fl-uffiċċju u ġbir ta’ fondi.

Gabriel Hammet:

Gabriel jieħu ħsieb u jagħti l-attenzjoni biex jiżgura li kull min huwa fil-bżonn jingħata l-assistenza meħtiega mingħajr dewmien. Waqt ix-xogħol, Gabriel huwa dejjem alert għal kwalunkwe emerġenzi li jistgħu jinqalgħu. Dawn jistgħu jvarjaw minn feriti komuni bħal sempliċi ħass ħażin u attakki ta’ paniku għal sitwazzjonijiet aktar kumplessi bħal korrimenti spinali, COPR u telf ta’ demm. Gabriel jieħu d-dmirijiet tiegħu bis-serjetà ħafna, bi kburija u b’dedikazzjoni kbira. Huwa għandu għarfien tajjeb ħafna ta’ kif għandha tingħata l-Ewwel Għajnuna u jżomm lilu nnifsu aġġornat ghall-protokolli ġodda kollha. Huwa ferm konxju ta’ kif u meta tuża t-tagħmir rilevanti kollu bħall-bordijiet tad-dahar, stretchers u KED. Dan kollu jagħmel lilu persuna responsabbli u voluntier ideali. Huwa ħafna drabi jippreferi jmur fuq dmirijietu pjuttost milli jmur jiddeverti ruħu mal -ħbieb bħal ħafna żgħażagħ ta’ dsatax -il sena. Gabriel jiddedika ħafna mill-ħin liberu tiegħu biex ikopri xogħol volontarju kemm jista’ jkun, fejn xi kultant jattendi għal aktar minn xogħol wieħed fl-istess jum anke meta sejħa tkun saret f’qasir zmien.

 HSBC Bank Malta plc

HSBC, bħala persuna li tħaddem, tinkoraġġixxi lill-ħaddiema biex isiru aktar involuti fil-komunità bħala voluntiera u tappoġġjahom f’dan il- qasam. Hija tgħin biex jinħoloq ambjent fejn attivitajiet volontarji jiġu stmati u mħeġġa. Ix-xogħol volontarju joffri ċans lill-impjegati li jikbru kemm personalment u professjonalment. HSBC Malta Bank plc temmen li tkun iktar ta’ suċċess fil-komunità jekk ikollha ftehim iktar ċar ta’ kwistjonijiet fil-komunità u tkun sensittiva għall-bżonnijiet tagħhom.​