Il-President ta’ Malta iżżur il-proċess tal-għadd tal-flus miġbura fil-Piggy Bank Campaign

​ 

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca dalgħodu żaret il-proċess tal-għadd tal-flus miġbura mill-kampanja tal-piggy banks b’risq l-Istrina 2014.
 
Dan il-proċess qiegħed isir fl-uffiċini prinċipali tal-Bank of Valletta f’Santa Venera taħt sigurtà massima. F’kamra allokata apposta għadd ta’ volontiera kif ukoll ħaddiema tal-istess bank jaraw li jingħaddu l-flus kollha b’reqqa sħiħa. Dawn il-flus ġew miġbura mill-iskejjel ta’ Malta u Għawdex u minn numru ta’ ħwienet. B’kollox tqassmu ‘il fuq minn 3,000 piggy bank. Mis-somma li tinġabar, il-Bank of Valletta jirdoppja l-ammont ta’ flus miġbura u jingħataw lill-Malta Community Chest Fund. 
 
Is-CEO tal-Bank of Valletta, is-Sur Charles Borg qal li l-bank iħossu onorat bil-Piggy Bank Campaign, għaliex jemmen li permezz tagħha qiegħed jissaħħaħ is-sens ta’ altruwiżmu fost it-tfal fl-iskejjel, sens li jibqgħu jġorru meta jikbru u jsiru l-ġenituri tal-futur. Huwa rringrazzja lill-istaff u lill-voluntiera għax-xogħol li jagħmlu.
 
Min-naħa tagħha, il-President Marie-Louise Coleiro Preca rringrazzjat lill-Bank of Valletta u qalet li l-bank huwa wieħed mis-sieħba tal-Malta Community Chest Fund, li mhux biss jgħin fil-kampanja tal-Piggy Banks,  iżda f’diversi kampanji oħra biex jinġabru flus għal min hu vulnerabbli, l-iktar f’każijiet ta’ mard serju. 
 
Hija tenniet li l-Malta Community Chest Fund toħrog €200,000 kull erbgħa ġimgħat għal individwi li jkollhom bżonn kimoterapija speċjalizzata. Qalet li riċentament daħlet sejħa mingħand persuna li għandha bżonn kura li tiswa €13,000 għal kull ċiklu, u jista’ jkun il-każ li jkun hemm bżonn ta’ iktar minn ċiklu wieħed.
 
Il-President raddet ħajr lill-ħaddiema tal-Bank of Valletta, lill-volontiera u lit-tim kollhu li kien immexxi mis-Sinjura Matilde Balzan,  li mingħajrhom il-kampanja ma setgħetx isseħħ.
 
Matul din iż-żjara, il-President ta’ Malta kienet akkumpanjata mir-raġel tagħha, is-Sur Edgar Preca.