Il-President ta’ Malta tinawgura s-Sitt Edizzjoni ta’ Betlehem f’Għajnielem

 Il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, ilbieraħ filgħaxija inawgurat uffiċjalment is-sitt edizzjoni ta’ Betlehem f’Għajnsielem. L-inawgurazzjoni, li kienet ukoll imxandra b’mod dirett fuq l-istazzjon nazzjonali bdiet bi spjegazzjoni tal-ħajja f’Betlehem aktar minn elfejn sena ilu. Dan ir-rakkont kien akkumpanjat bil-mużika tal-banda San Ġużepp, li serviet ta’ sfond hekk kif l-atturi, li huma l-qalba ta’ din l-attività bdew jieħdu posthom fid-diversi kmamar ta’ Betlehem.

F’diskors għall-okkażjoni, il-President qalet li jekk hemm xhieda ta’ xi ħaġa f’attività bħal din hija proprju l-għaqda sħiha tal-komunità ta Għajnsielem; l-għaqdiet mhux governattivi, il-Knisja, il-Kunsill Lokali u l-awtoritajiet ċivili. Hija qalet li dawn kollha, flimkien, jagħmlu monument li ser ikun ħaj għal bosta jiem, li jwasslu għal dak il-jum li l-Maltin u l-Għawdxin għandhom għal qalbhom; Jum il-Milied.

Filwaqt li qalet li kienet onorata li kienet mistiedna biex tinawgura din l-attività, il-President qasmet ma’ dawk preżenti t-tifsira vera tal-Milied.  Hija qalet  li kull darba li titwieled tarbija ġo familja, din iġġib magħha l-ferħ, ferħ li ħassewh ukoll il-Madonna u San Ġużepp meta twieled Ġesù Kristu. Hija qalet li għalkemm Ġesù kien bin Alla, dan ma twilidx fil-palazzi imma twieled ġo għar, fis-sempliċità kollha, mingħajr xejn ħlief baqra u ħmara. Hija spjegat li fuq naħa hi tara l-ferħ tal-ġenituri, imma fuq in-naħa l-oħra hi tara il-fatt li bis-sempliċità tiegħu Ġesù ried jgħaddi messaġġ li mhux kulhadd jista’ jifraħ u mhux kulħadd jista’ jkollu dak li ħafna għandhom.

Għall-President din hija il-vera tifsira tal-Milied; li filwaqt li ħafna jkunu qegħdin jiċċelebraw il-Milied, hemm min ma jistax jifraħ bħall-maġġoranza tal-Maltin u tal-Għawdxin. Hija qalet li ħsibijieta jmorru fuq dawk ħutna Maltin u Għawdxin li ma jistgħux jifirħu għax ikunu mkiddin bil-mard jew b’xi tip ta’ gwaj ieħor.

 Il-President qalet li l-poplu Malti huwa poplu distint fid-dinja, għall-mod ta’ kif inhu kapaċi jingħaqad u jinsa d-differenzi, ħaġa li mhux biss għandha tiġri fil-Milied iżda anke l-għada tal-Milied fejn il-poplu Malti u Għawdxi dejjem jagħti l-aqwa turija ta’ solidarjetà, u juri bi sħiħ li dak il-valur li nibet elfejn sena ilu fil-Milied, il-valur tal-imħabba, jiżviluppa u jissarraf f’solidarjetà.

 Tenniet li żmien il-Milied huwa opportunità biex il-poplu Malti u Għawdxi ma jinsiex dak li hu, u ma jinsiex ukoll il-valuri li tawna missirijieta u ħeġġet lil kulħadd biex f’dan iż-żmien jaħseb f’dawk li ma jistgħux jiċċelebraw magħhom u jurihom l-imħabba.

 Fl-aħħar nett, Il-President ta’ Malta għamlet appell biex il-poplu Malti u Għawdxi jgħin lil dawk ħuthom li huma mtaqqlin bil-mard tal-kanċer u mard iehor, billi jgħinu lil-Malta Community Chest Fund, ħalli din tal-aħħar tkun tista’ tkompli taqdi d-dmir li għandha llum, u tibqa’ tassisti lil dawk kollha li jiġu bżonn il-kura.

 Il-President awgurat Milied mill-aqwa lil dawk kollha preżenti u awgurat li f’dan iż-zmien tiżdied l-imħabba fil-familji, fil-komunitajiet u li din l-imħabba tinbidel f’turija ta’ solidarjetà ma’ ħutna fil-bżonn.

 Wara d-diskors, il-President iddawret mal-attrazzjoni mill-Project Manager, is-Sur Franco Ciangura, u miċ-Ċermen ta’ Christmas in Gozo, is-Sur Joe Mifsud.

Matul din l-attività, il-President ta’ Malta kienet akkumpanjata mir-raġel tagħha, is-Sur Edgar Preca, flimkien mal-Ministru għal Għawdex Anton Refalo, u mis-Segretarju Parlamentari Għall-Kunsilli Lokali, Stefan Buontempo.