Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca tindirizza seminar dwar il-ħamsa u għoxrin anniversarju mill iffirmar tal-konvenzjoni għad-drittijiet tat-tfal

 
Waqt seminar organizzat mill-Istitut Nazzjonali dwar it-tfulija fi ħdan il-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjeta’, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca tkellmet fuq il-bżonn li jidħol fis-seħħ l-Att dwar it-Tfal u dan sabiex jiġi assigurat li l-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-drittijiet tat-tfal tkun daħlet kollha fil-liġi Maltija.

Waqt dan is-Seminar li kien qed jiddiskuti l-Konvenzjoni dwar id-drittijiet tat-tfal li ġiet iffirmata ħamsa u għoxrin sena ilu, il-President ta’ Malta semmiet l-esperjenzi li kellha din il-ġimgħa ma’ diversi tfal waqt iż-żjarat li qed tagħmel fl-iskejjel.  F’dawn iż-żjarat il-President kienet impressjonata meta waqt sessjonijiet mat-tfal, dawn esprimew diversi problemi ġejjin mill-preġudizzji kbar li jwassal għall-bullying.  Spjegat li l-preġudizzji jimminaw d-drittijiet tat-tfal u li għalhekk il-bżonn li dawk kollha involuti fil-ħarsien tat-tfal jaraw li l-konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-drittijiet tat-tfal tkun attwata.

Il-President qalet li wara dan il-kuntatt dirett li qed ikollha fl-iskejjel, huwa xokkanti li għandna tfal li għaddejjin minn dawn l-isfidi u li għalhekk il-bżonn li l-konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda mhux biss tkun iffirmata kif sar ħamsa u għoxrin sena ilu, iżda li tiġi attwata.

Waqt id-diskors tagħha il-President tkellmet ukoll fuq il-faqar fost it-tfal u rreferiet għal studji riċenti li saru f’pajjiżna li wrew li l-faqar fost it-tfal żdied.  Qalet li l-bullying u l-preġudizzju, u l-faqar igerrem mid-drittijiet tat-tfal u appellat biex kull min hu involut fid-dinja tat-tfal jissieltu flimkien kontra l-faqar u l-preġudizzji.  Il-President semmiet ukoll lit-tfal li jgħixu fl-istituti fejn staqsiet jekk hux sew li għad hawn tfal li jispiċċaw jibqgħu jgħixu fl-istituti sa l-eta’ ta’ tmintax –il sena.  Fuq dan il-lat staqsiet ukoll dwar l-liġi dwar l-adozzjoni, biex tingħata opportunita’ lil tfal Maltin li jgħixu f’ambjent ta’ familja flok f’istitut.

Semmiet bħala fattur pożittiv li l-Parlament Ewropew jimbotta lill-pajjiżi għar-ratifikar ta’ din il-konvenzjoni.

Is-seminar ġie organizzat mill-Istitut Nazzjonali għat-tfal fi ħdan il-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjeta’ fejn saret biex wieħed jirrifletti fuq dak li Malta kisbet fis-snin ta’ wara r-ratifikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni, kif ukoll biex intefa’ dawl fuq il-miżuri leġiżlattivi u prattiċi li ttieħdu u li kkontribwixxew għall-ġid tat-tfal permezz ta’ strateġija ffukata fuq id-drittijiet tat-tfal li tonora l-prinċipji mħaddna fil-Konvenzjoni.

Għal dan is-seminar tkellmu t-tlett kumissarji tat-tfal li kellha Malta fis-snin li għaddew, kif ukoll dik preżenti.